Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema Slimiż jinforma lil-pubbliku li għall-kuntrarju ta’ dak li ġie allegat mill-preżentatur tal-programm Pjazza lbieraħ filgħaxija, il-Kunsill Slimiż qatt ma naqqas fl-obbligi tiegħu fejn tidħol l-indafa.
Il-Kunsill dejjem ħadem b’mod kollettiv u fl-interessi tal-lokalità kollha irrespittivament, u hekk se jkompli jaħdem għall-ġid tal-komunità. Tajjeb wieħed jiċċara li r-responsabbiltajiet tat-tindif tal-Promenades, xtajtiet u areas kummerċjali huma responsabbilita tal-Cleansing Directorate u mhux tal-Kunsill.
Il-Kunsill itenni li teżisti kooperazzjoni mill-aqwa mal-istess Direttorat, u s-servizzi offruti, fil-maġġor parti, huma mill-iktar aċċettabbli. Il-Kunsill jirringrazzja lill-ħaddiema li sajf u xitwa jkunu qegħdin jagħmlu dmirhom bl-aktar attenzjoni. Però jibqa’ l-fatt illi mingħajr il-kooperazzjoni tal-pubbliku, il-livell ta’ ndafa ma jista’ qatt jilħaq il-livelli mixtieqa.
//= $special ?>

