Ronnie Ghiller… missier ta’ żewġt itfal… ir-raġel illi tilef ħajtu ftit tal-ġranet ilu, wara kommossjoni li inqalgħet f’residenza f’Ħaż-Żabbar.
Skont dak li kitbu qraba tieghu fuq il-media soċjali…Ronnie kien ilu jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali għal diversi snin. Dan hekk kif madwar 18-il sena ilu kienet saret bomba mal-karozza ta’ ġar tiegħu. Dakinhar, Ronnie kien mar jagħtih l-ewwel għajnuna. Ġimgħa wara kienu tajru lilu, lil martu u tarbija ta’ sena. Minn hawn saħħtu bdiet tmur lura.
Qraba tal-vittma qalu lidakinhar li Ronnie tilef ħajtu, kien jinsab fuq il-bejt imwerwer għax beda jibża’ li jista’ jieħu l-coronavirus peress li fit-triq fejn jgħix kien hemm kju ta’ nies li beda jasal sad-dar tiegħu, jistennew biex jidħlu fil-ħanut.
Il-qraba tiegħu jinsabu rrabjati ferm għal nuqqas ta’ informazzjoni li kien hemm fuq il-mezzi tax-xandir rigward dak li verament seħħ. Xi stazzjonijiet fil-fatt qalu illi Ronnie Ghiller kien armat, iżda l-familja tiegħu tikkonferma li kulma kellu kien zokk ta’ xkupa.
Ronnie Ghiller, li kellu 48 sena u kien jghix Ħaż-Żabbar tilef ħajtu il-Ġimgħa filgħaxija. Skont stqarrija tal-Pulizija, ir-raġel kien qed iwaddab xi affarijet minn fuq il-bejt tar-residenza u kien għalhekk li l-Pulizija tad-Distrett marru fil-post u sejħu lir-raġel, li niżel kif kien mitlub.
Madankollu ftit wara dan l-inċident, jidher li l-Pulizija kellha terġa’ tissejjaħ. Din id-darba, mal-Pulizija tad-Distrett, ingħaqdu wkoll Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit.
Dan wara li l-istess raġel kien qed ikun aggressiv fil-konfront ta’ Tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Ir-raġel issakkar f’kamra fuq il-bejt, minfejn ma riedx joħroġ.
Wara diversi sigħat, il-Pulizija rnexxielhom jikkonvinċuh jinżel. Iżda hu reġa’ beda jkun aggressiv fil-konfront tat-Tabib sakemm telaq jiġri fis-sular ta’ fuq u ta’ salt għat-tieqa. F’dan l-istadju, il-Pulizija tar-RIU jkunu kostretti jżommuh bl-użu ta’ stun gun, filwat li t-Tabib amministralu injezzjoni biex iżomm kalm.
Ir-raġel kien assistit ukoll minn tim mediku li kien qed jistenna barra, f’ambulanza, wara li ntilef minn sensih. Madankollu, ftit tal-ħin wara, Ghiller sfortunatament tilef ħajtu.
Dwar il-kaz ghaddejja inkjesta.
//= $special ?>