Kundannat l-aġir tal-Ministru Silvio Schembri fil-konfront tal-ġurnalist ta’ Net News Keane Cutajar meta Schembri ħoloq video u xerrdu online sabiex bih jipprova jirredikola x-xogħol ġurnalistiku ta’ dan l-istazzjon.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fi stqarrija ċanfar lill-Ministru tal-Ekonomija u qal li din kienet biss “intimidazzjoni u bullying bl-użu tal-internet”.
L-IĠM kien qed jirreferi għal filmat li tpoġġa’ fuq il-Facebook ta’ Silvio Schembri, fejn il-Ministru qata’ silta minn domanda li għamel il-ġurnalist tagħna u kiteb ismu apposta taħt il-filmat – azzjoni li ġibdet lista sħiħa ta’ kummenti ta’ mibgħeda fuq l-internet.
F’din il-konferenza, il-ġurnalist tagħna kien sempliċiment poġġa’ domanda dwar il-pariri li qed jieħdu Silvio Schembri u Robert Abela mingħand l-eks Prim Ministru Joseph Muscat; mistoqsija li tant dejjqet lil Schembri li għamel minn kollox biex jipprova iwaqqaha għaż-żufjett.
Fl-istrateġija tiegħu, il-Partit Laburista uża wkoll il-programm ta’ Karl Stagno Navarra fuq l-istazzjon laburista, illi xandar dan l-istess filmat li ġie editjat mill-Ministru Schembri.
L-IĠM insista li l-ġurnalist qatt m’għandu jkun is-suġġett tal-aħbar, filwaqt li l-Ministru hu obligat li jwieġeb id-domandi. Xi ħaġa li Silvio Schembri m’għamilx.

Din hi t-tieni kundanna għall-Ministru tal-Ekonomija wara ċ-ċamata li ħa fir-Rapport Hyzler, dwar il-mod kif qed jonfoq fondi pubbliċi għall-propaganda personali tiegħu fuq Facebook.
//= $special ?>