Il-mira ta’ Joan Laporta jekk jerġa’ jsir President ta’ Barcelona s-sena d-dieħla hi li jerġa’ jieħu lil Pep Guardiola bħala kowċ tal-klabb. Laporta li kien President ta’ Barcelona bejn l-2003 u l-2010, kien fit-tmexxija meta Guardiola ġie promoss minn kowċ taż-żgħażagħ għal kowċ tat-tim ewlieni fl-2008. Il-kuntratt preżenti ta’ Guardiola ma’ Manchester City jintemm f’Ġunju tas-sena d-dieħla. Bħalissa ċ-champions Ingliżi jinsabu f’appell dwar is-sospensjoni ta’ sentejn mill-kompetizzjonijiet Ewropej u dan il-fatt poġġa dubju dwar il-permanenza ta’ Guardiola ma’ City.
Guardiola kellu suċċess kbir bħala kowċ ta’ Barcelona f’era mill-aqwa tal-klabb Katalan. Bejn l-2008 u l-2012, taħt it-tmexxija ta’ Guardiola, Barcelona rebħu tliet darbiet il-La Liga, darbtejn il-UEFA Champions League, darbtejn it-Tazza tar-Re, darbtejn is-Super Cup Ewropea, tliet darbiet is-Super Cup Spanjola u darbtejn it-Tazza tad-Dinja tal-klabbs għal total ta’ 14-il unur. “Inkun veru kuntent li jirritorna Pep imma hu ma’ City bħalissa u hi deċiżjoni li jrid jieħu hu. Hu punt ta’ referenza għal kull min hu assoċjat ma’ Barcelona u naħseb li l-partitarji jkunu kuntenti jekk jirritorna bħala kowċ tal-klabb,” qal Laporta.
L-Ispanjol ta’ 57 sena kkonferma li qed jaħdem fuq il-kandidatura tiegħu hekk kif jixtieq li jerġa’ jkun President tal-klabb wara li Josep Maria Bartomeu ħabbar li mhux se jibqa’ fil-kariga. Hu sejjaħ is-sitwazzjoni tal-klabb fl-2021 bħala drammatika u żied li se jkollhom bżonn idawru l-affarijiet. Laporta semma wkoll il-possibbiltà li jġib lura lill-eks midfielder tal-klabb Xavi, li bħalissa jinsab fit-tmexxija ta’ Al Sadd fil-Qatar. Hu żied li Xavi għandu jiddeċiedi hu meta hu ż-żmien opportun biex ikun kowċ ta’ Barcelona.
//= $special ?>