Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa Turiżmu

Laqgħa bejn Adrian Delia u l-MHRA

“Ġejna f’sitwazzjoni fejn ma nafux jekk huwx se jmutu nies bil-mard jew inkella jmutu bil-guħ” – Dikjarazzjoni b’saħħitha ferm mit-tmexxija tal-MHRA waqt laqgħa li kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, fejn spjegaw kif l-ekonomija kuljum niezla iktar l-isfel u se jkollna sitwazzjoni ta’ qaghad kbir jekk ma nifthux l-ekonomija mill-aktar fiss possibbli.

Huma qalu li l-ekonomija ma tiflaħx tibqa’ magħluqa imkien fid-dinja imma b’mod partikolari f’pajjiżna minħabba li l-ekonomija ta’ Malta tiddependi ħafna fuq it-turiżmu.

Huma stqarru li qed jaslu għal dawn id-dikjarazzjonijiet  hekk kif minn ftit iktar minn 500 każ ta’ COVID-19 f’pajjiżna, l-maġġoranza fiequ.

Dan wassal biex l-MHRA ddikjarat li l-kumpaniji ma jistgħux jibqgħu jħallsu 400 ewro kull xahar biex joħorġu l-paga mat-800 li qed jagħti l-Gvern. Dan filwaqt li l-Gvern ma jistax jibqa’ jħallas dawn it-800 għal zmien twil.

Min-naħa tiegħu Adrian Delia stqarr li tul dawn l-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ diversi gruppi fl-industrija tal-ospitalita’ li wħud minnhom kienu qed jagħmlu investiment qabel il-pandemija jew kienu qed jippjanaw li jagħmlu dan. Investiment li kellu jieqaf ħesrem.

Il-Kap tal-PN semma’ kif l-enfasi fuq it-turiżmu qed issir ukoll fuq bażi Ewropea f’numru ta’ summits li qed ikollu mal-mexxejja fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew. F’dan il-livell, huwa ċar li ħafna pajjiżi qed iħossu din id-daqqa u b’xi mod qed jippruvaw jerġgħu joħolqu pjan biex iqajjmu l-ekonomija anke f’diskusjonijiet li xi pajjiżi bdew biex jiftħu ż-żona Schengen.

Adrian Delia semma’ kif madanakollu hemm il-parti l-oħra tal-munita, fejn mis-settur tas-saħħa hemm preokupazzjonijiet marbutin mal-incertezza u mac-ciklu ta’ x’se jkun qed jigri fil-ġranet u xhur li ġejjin anke għaliex vaċċin għall-Coronavirus għad m’hawnx.

Jakkumpanjaw lil Adrian Delia għal din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo flimkien mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-industrija tal-catering, divertiment u l-protezzjoni tal-konsumatur Herman Schiavone.