Coronavirus Lokali Saħħa

L-MUMN issellem lill-eroj li ssagrifikaw ħajjithom għall-pazjenti

“Mijiet ta’ infermiera minn madwar id-dinja mietu bil-COVID-19 waqt li kienu qed jagħmlu x-xogħol tagħhom. Il-Kunsill Internazzjonali tal-Infermiera (ICN) jemmen li n-numru attwali ta’ mwiet fost l-infermiera jista’ jkun ferm ogħla minn dak stmat fil-bidu tal-pandemija.” Din hija d-dikjarazzjoni xokkanti fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus li ħasdet il-ħajjat ta’ mijiet ta’ eluf minn madwar id-dinja.

Dan kollu qed jiġri fis-Sena 2020, li suppost kienet is-sena li fiha tiġi ċċelebrata l-professjoni tal-infermiera, is-sena li l-World Health Organistaion (WHO) iddedikat bħala s-Sena tal-Infermiera u l-Qwiebel.

Fi stqarrija, dil-Jum Internazzjonali tal-Infermiera, l-MUMN faħħret lil dawn l-eroj li għamlu s-sagrifiċċju aħħari tagħhom biex jieħdu ħsieb il-pazjenti tagħhom. Eroj li kienu jaħdmu kontra l-kurrenti kollha saħansitra ġiele anke mingħajr ilbies protettiv. Eroj li qatt mhu se jintesew.

L-MUMN saħqet li Malta kienet waħda mill-aktar pajjiżi xxurtjati waqt l-imxija tal-COVID-19 pero pajjiżi oħra ma kinux daqshekk xxurtjati hekk kif bosta ħajjiet intilfu minħabba li l-isptarijiet ma setgħux ilaħħqu man-numru kbir ta’ każijiet.


“Ħajjitna nbidlet, u aħna bħala infermiera, hemm bżonn li nkunu ppreparati aktar minn qatt qabel għal kull eventwalità li tista ‘sseħħ. Ir-riskju li l-COVID-19 jinfirex fost il-popolazzjoni Maltija għadu hemm u għalhekk aħna bħala nazzjon ma nistgħux naffordjaw li nħallu l-gwardja tagħna tinżel daqshekk malajr.” qalet l-MUMN.

Din il-union qed toffri l-appoġġ u l-għajnuna kollha lill-membri tagħha matul dan il-perjodu fejn inħarġu wkoll direttivi biex jipproteġu l-ħajja tal-infermiera. Dan filwaqt li saru żjarat f’diversi postijiet tax-xogħol biex joffru appoġġ lill-infermiera, inizjattivi li huma biss ftit mill-attivitajiet tal-union f’dawn iż-żminijiet.

Fuq nota differenti, din is-sena taħbat ukoll il-200 sena mit-twelid ta’ Florence Nightingale. Okkażjoni li ispirat lill-WHO biex tiddedika din is-sena lill-infermiera u l-qwiebel. Biex tiċċelebra din l-okkażjoni, l-MUMN qed tniedi l-websajt www.mumn.org li toffri aktar servizzi lill-membri tagħna.