Coronavirus Lokali Saħħa

“Ninsabu ‘l bogħod mill-familja, iżda mimlijin kuraġġ”

“Qed ngħixu żmien diffiċli… fejn it-tbatija mhix biss waħda fiżika u mentali, iżda hija wkoll tbatija emozzjonali”.

Sentiment komuni minn numru ta’ infermiera mill-Isptar Mater Dei, l-isptar St Thomas, mid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa u mill-Isptar Mount Carmel, waqt laqgħa li saret fuq pjattaforma diġitali mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

L-infermiera qasmu l-esperjenzi tagħhom ta’ kif qed jgħixu din il-ġlieda konta l-COVID-19. Fejn saħansitra wħud minnhom ilhom jgħixu ‘l bogħod mill-familja tagħhom għal dawn l-aħħar ġimgħat. Minbarra t-tbatija mentali u fiżika li qed jgħaddu minnha fuq il-post tax-xogħol, dawn isofru wkoll minn tbatiija emozzjonali peress li mhux qed jiltaqgħu mal-qraba tagħhom.  

Infermier li jaħdem fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa enfasizza wkoll it-tbatija mentali li qed jgħaddu minnha l-anzjani minħabba li qed iħossu n-nuqqas tal-familjari tagħhom…. partikolarment tat-tfal u n-neputijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rrikonoxxa l-ħidma imprezzabbli ta’ dawn il-ħaddiema, li qed jiriskjaw ħajjithom sabiex tkun imħarsa s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.  Hu qal li iktar minn qatt qabel illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna bżonn l-assistenza ta’ dawn l-infermiera; il-front liners li huma l-iktar persuni esposti għal dan il virus.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali u Kura fil-Komunità Mario Galea, Ivan Castillo, President tal-Fergħa Solidarjeta Ħaddiema Partit Nazzjonalista, kif ukoll Colin Galea, Segretarju tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUMN, Paul Pace qal li meta jkollok pandemija bħal din li għaddejjin minnha bħalissa, is-suċċess tal-infermiera huwa vitali immens. Huwa radd ħajr lill-infermierna kollha għall-ħidma tagħhom fejn saħansitra kien hemm minnhom li kellhom jiċċaqalqu mis-sawli fejn is-soltu jaħdmu biex jaġġustaw għad-domanda ta’ din il pandemija.

F’dan il-jum speċjali…il-PN sellem lill-infermieri kollha; infermieri li f’dawn l-aħħar ġranet kienu rappreżentati bl-immaġini ta’ Charmaine Cauchi u Doreen Zammit li dehru f’ritratt meħud fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’Mater Dei. Dan ir-ritratt permezz tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed idur madwar id-dinja kollha.