Talanqas ħames pazjenti tal-coronavirus li kienu qed jinżammu f’taqsima tal-isptar għall-kura intensiva mietu b’kaġun ta’ nirien li ħakmu dik is-sezzjoni tal-kumpless. Ir-rapporti qalu li t-traġedja, fil-belt ta’ San Pietruburgu, kienet dovuta għal short-circuit ġo ventilatur u mhux ċar kemm irriżultaw midruba.
In-nirien ma damux biex jintfew iżda mhux qabel ħallew numru ta’ vittmi. Madwar 150 persuna kienu evakwati mill-Isptar iddedikat lil San Ġorġ, fost konferma li l-ħames mejtin kienu qed jingħataw in-nifs bil-ventilaturi.
Sorsi mad-Dipartiment għall-Emerġenzi fil-belt ta’ San Pietruburgu qalu li l-ventilaturi għall-pazjenti morda bil-Covid-19 ‘qegħdin jaħdmu sal-massimu tal-kapaċità tagħhom’. L-indikazzjonijiet preliminarji huma li waħda mis-sistemi kellha ‘overload’ li irriżulta fin-nirien qattiela.
B’xorti tajba, in-nirien ma nfirxux wisq ‘il hinn minn sala waħda wara li l-ventilatur inkwistjoni ‘splodiet’ b’kaġun ta’ konċentrazzjoni ta’ ossiġnu. Fl-inċident, is-sala mtliet bid-duħħan, bir-riżultat li l-pazjenti spiċċaw fgati.
L-awtoritajiet Russi qalu li fetħu investigazzjoni kriminali dwar il-każ f’San Pietruburgu. Dan meta huma qegħdin janalizzaw ukoll is-sigurtà tal-ventilaturi għan-nifs artifiċjali – b’dan ikun it-tieni nar li nqala’ f’anqas minn ġimgħa fi sptar li qed jitratta lill-pazjenti tal-coronavirus.
Fl-inċident preċedenti, pazjent fuq ventilatur spiċċa jitlef ħajtu f’nar simili li kien seħħ nhar is-Sibt fi sptar ta’ Moska.
//= $special ?>