Kummerċ Kurżitajiet Lokali

Sorpriża f’Jum l-Omm mill-BOV

B’ikliet imħassra, laqgħat ma’ membri tal-familja posposti, ommijiet ‘il bogħod minn uliedhom u weħidhom ġewwa djarhom żgur li Jum l-Omm din is-sena kien ser ikun differenti minn ta’ snin oħra

Il-Bank of Valletta ddeċieda li jbiddel ftit mill-burdata u possibilment iferraħ lil numru ta’ klijenti tiegħu li huma ommijiet billi jagħtihom sorpriża ħelwa. Ftit tal-ġimgħat ilu, il-BOV nieda kompetizzjoni fil-midja soċjali fejn talab lis-segwaċi tiegħu sabiex jibagħtu messaġġ lill-ommhom permezz ta’ video.

Numru minn dawn il-messaġġi mbagħad ġew miġbura f’ video klipp li ntwera f’Jum l-Omm b’awgurju lil ommijiet kollha u dawk li jagħtu imħabba ta’ omm lil ħaddieħor.

L-ommijiet li ġew innominati minn uliedhom imbagħad ġew sorpriżi b’kejk delizzjuz u b’ kartolina, li twasslu fi djarhom. Il-kartolini saru bl-idejn b’mod individwali minn impjegata tal-BOV, u ġo fihom inkiteb ukoll il-messaġġ ta’ apprezzament mibgħut minn uliedhom. Tlieta mill-ommijiet telgħu bix-xorti u rebħu € 100 kull wieħed.

“Il-vera ma stennejtiex din tal-lum! Il-messaġġ ta’ binti emozzjonani ħafna u issa qed nifhem għaliex ma ħallitnix noħroġ nagħmel xi qadi is-Sibt filgħodu!” stqarret waħda mill-ommijiet. “Għalkemm ma stajniex niċċelebraw Jum l-Omm bħal snin oħra, il-Bank of Valletta u t-tifla tiegħi irnexxielhom igibuli tbissima enormi fuq wiċċi!”