12 TA’ MEJJU 2012
Fil-ġurnata taċ-ċelebrazzjoni tal-21 kampjonat, Valletta sfaw megħluba 2-1 minn Hibernians. Din kienet ir-raba’ darba konsekuttiva li Valletta li ma rebħux l-aħħar konfront tal-kampjonat meta spiċċaw champions ta’ Malta. Din it-telfa għal Valletta waslet wara 27 logħba mingħajr telfa u seba’ rebħiet konsekuttivi. L-atmosfera fl-Istadium Nazzjonali kienet festiva, bil-partitarji Beltin jimlew iż-żewġ naħat tal-Enclosure kif ukoll parti mill-Millenium Stand.

Hibernians marru fil-vantaġġ fl-ewwel attakk tagħhom wara 11-il minuta. Minn kross ta’ Edward Herrera, il-ballun deher jaħbat ma’ id Steve Borg, bir-referee Malcolm Spiteri jordna penalty li minnu skorja CLAYTON FAILLA. Risposta immedjata minn Valletta li ġabu d-draw tmien minuti wara, b’azzjoni ta’ Denni Rocha dos Santos li ġab waħdu lil MICHAEL MIFSUD, bl-attakkant ta’ Valletta jegħleb lil Mario Muscat wara li avvanza bil-ballun. Hibernians skorjaw il-gowl tar-rebħa kwarta mit-tmiem meta Andrew Cohen għadda minn fuq Ian Azzopardi u tefa’ kross lil sab lil BJORN KRISTENSEN, bil-midfielder żagħżugħ jegħleb lil Andrew Hogg minn quddiem il-lasta.

F’mumenti waqt u anki wara l-logħba nqalgħu xi inċidenti bejn il-partitarji ta’ Valletta u ta’ Hibernians. Il-partitarji Pawlisti preżenti fil-Millenium Stand għamlu ġesti ta’ ċelebrazzjonijiet li xejn ma niżlu tajjeb mal-Beltin. Il-partitarji tagħhom qabżu fil-grawnd wara l-logħba u qasmu lejn in-naħa tal-Millenium Stand fejn kien hemm preżenti l-partitarji Pawlisti. Il-Pulizija kellha biċċa xogħol diffiċli biex tipprova żżomm l-ordni. Wara li kkalmaw ftit l-affarijiet, il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ppreżenta t-trofew lill-captain Gilbert Agius.
