Żewġ ħaddiema sfaw feruti meta aktar kmieni wara nofsinhar ċediet gallarija fil-Belt Valletta, f’binja fi Triq il-Lvant fejn kien qed isir xi xogħol.
Net News hu infurmat li ż-żewġ ħaddiema huma aħwa. Huma waqgħu għoli ta’ ftit aktar minn sular.
Fil-post, viċin il-Barrakka t’Isfel, waslu l-Pulizija tad-Distrett li taw l-ewwel għajnuna kif ukoll it-tabib Jonathan Joslyn. Aktar tard waslet ukoll ambulanza li ħadet liż-żewġ ħaddiema l-isptar.
Jidher li wieħed minnhom sofra ġrieħi serji f’rasu, iżda mhux fil-periklu tal-mewt.
