Futbol Sport

13-IL SENA ILU: Marsaxlokk jiksbu rebħa kbira fil-ġurnata li ċċelebraw ir-rebħ tal-uniku kampjonat

(Ritratt: The Times)

13 TA’ MEJJU 2007

Il-ġurnata tant mistennija għax-Xlukkajri waslet bħal-lum 13-il sena ilu. Marsaxlokk ġew inkurunati champions tal-futbol Malti għall-ewwel darba fl-istorja wara t-tentattivi tas-snin preċedenti. Fl-aħħar logħba tal-kampjonat, umiljaw lil Sliema Wanderers b’rebħa kbira ta’ 4-1, f’dik li kienet iċ-ċelebrazzjoni perfetta għall-partitarji Xlukkajri li telqu mill-villaġġ biex jimlew il-maġġoranza tan-naħa tagħhom fl-Enclosure fejn spikkaw il-kuluri blu u abjad.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Dan kien l-ewwel unur maġġuri mirbuħ minn Marsaxlokk u b’hekk il-President tal-klabb Victor Sciriha qata’ xewqtu. Għalkemm il-wirja ta’ Marsaxlokk kienet ta’ champions denji, Sliema ma kinux bl-aqwa formazzjoni tagħhom hekk kif kellhom nofs tim nieqes minħabba l-logħbiet tal-FA Trophy.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Marsaxlokk fetħu l-iskor fil-25 minuta meta Daniel Bogdanovic pinġa kross lejn CLEAVEN FRENDO li skorja b’xutt b’saħħtu u mill-ewwel. It-tim ta’ Brian Talbot irdoppja fit-48 minuta meta JAMIE PACE ġie żmarkat minn Andrè Schembri u għeleb lil Henry Bonello b’xutt imkaxkar. It-tielet gowl wasal fis-70 minuta. Reġa’ kien Bogdanovic li din id-darba qassam lejn iż-żagħżugħ ANDRÈ SCHEMBRI li b’xutt meqjus poġġa l-ballun fuq in-naħa xellugija ta’ Bonello.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Sitt minuti wara Marsaxlokk skorjaw ukoll ir-raba’ gowls permezz ta’ DANIEL BOGDANOVIC. Lejn tmiem il-logħba, CHUCKS NWOKO naqqas id-distakk b’daqqa ta’ ras. It-tisfira finali ntlaqgħet minn applaws kbir mill-partitarji preżenti, bil-festa tkompli meta l-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Marsaxlokk Carlo Mamo.