Minbarra li Net News jista’ jiżvela li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) rċeviet total ta’ 14-il applikazzjoni għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija; kważi d-doppju tal-ismijiet li konna nafu bihom, Net News jista’ jiżvela wkoll li mill-ġimgħa d-dieħla se jibda l-proċess tal-għażla.
Filwaqt li l-PSC stess ikkonferma n-numru tal-applikanti, dan wara talba għall-informazzjonai minn dan is-sit stess. Ħafna ma jistgħu jifhmu għaliex wara li l-perjodu ta’ dawk li applikaw għalaq nhar it-Tlieta, 12 ta’ Mejju fis-7.00pm. ma ħarġu l-ebda dettalji dwar min huwa mħajjar li jsir is-seba’ Kummissarju f’perjodu ta’ seba’ snin, mill-2013 sal-lum.
Għal xi raġuni, il-Kummissjoni baqgħet ma tatx informazzjoni dwar min huma dawn l-applikanti. Sadanittnat Net News huwa nfurmat li nhar it-Tlieta 19 ta’ Mejju se jibda l-proċess tal-għażla billi permezz tal-kompjuter wieħed se joqgħod għal test biex ikun magħruf il-karattru tal-persuna.
Nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Mejju se jsir test ieħor filwaqt li għadha mhijiex magħrufa d-data ta’ meta se jsir dak li x’aktar se jkun l-aħħar interview biex imbagħad isir il-proċess tal-għażla.
Skont il-liġi l-ġdida approvata mill-Parlament, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku trid tevalwa lill-applikanti kollha biex minnhom tinnomina żewġ kandidati lill-Kabinett.
Il-Kabinett imbagħad jagħżel wieħed minnhom li jrid imur għall-iskrutinju tal-Parlament qabel ma jiġi approvat. Peress li kollox sar bil-“moħbi” għadhom mhumiex magħrufa l-kandidati kollha għal din il-pożizzjoni.
Madankollu, fl-aħħar jumejn kien konfermat li l-avukati Mary Muscat u Herman Mula, it-tnejn li huma eks Uffiċjali tal-Pulizija, u l-ispettur tal-pulizija Frankie Sammut, flimkien ma’ l-Ispettur Sandro Camilleri, u l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo tefgħu l-applikazzjonijiet tagħhom.
Fost l-applikanti hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafà, kif ukoll l-Ispetturi Robert Vella u Jonathan Ransley. L-applikant magħżul jieħu post Lawrence Cutajar li rriżenja f’Jannar.
L-isem wieħed magħżul mill-kabinett, jew aħjar mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed imur quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni u eventwalment il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid se jkun bi probation ta’ sena u wara li tgħaddi s-sena jista’ jitneħħa jekk ma jissodisfax il-kriterji.
//= $special ?>