13 TA’ MEJJU 1970
Ħamsin sena ilu, Tottenham Hotspur kienu f’pajjiżna għal vaganza ta’ ftit jiem f’pajjiżna fejn kienu skedati li jilagħbu fl-Istadium tal-Gżira kontra Valletta, Sliema u selezzjoni mill-kampjonat. Fl-ewwel ħarġa minn tliet partiti eżattament 50 sena ilu, Tottenham taw xhieda tal-kwalità tagħhom. Huma għelbu lil Valletta 3-0, bl-entużjażmu tal-Beltin ma jkunx biżżejjed kontra l-qawwa tat-tim Ingliż.
L-iskor infetaħ wara biss tmien minuti meta Roger Morgan ġibed għan-nofs u mid-distanza xxuttja fil-baxx. Il-ballun deher faċli għal Ċensu Borg Bonaci li ntefa’ biex jikkontrolla iżda l-ballun ħabat fuqu u spiċċa fix-xibka. Tottenham irduppjaw fit-32 minuta meta Martin Chivers qabbeż il-ballun fuq Borg Bonaci li ma setax iżomm il-ballun milli jispiċċa għand John Pratt li kompla għal ġewwa. Fit-tieni taqsima huma żiedu l-vantaġġ b’gowl sabiħ ta’ Alan Gilzean li għola eżatt u b’daqqa ta’ ras skorja fir-rokna tax-xibka.
Fiż-żewġ logħbiet ta’ wara, huma rebħu 2-1 ma’ Sliema iżda tilfu 1-0 kontra selezzjoni mill-kampjonat Malti. B’hekk Tottenham kienu marru żmerċ minn dak li bassar il-manager tagħhom Bill Nicholson, jiġifieri li ma jitilfux fit-tieni mawra tal-klabb f’Malta. Inċidentalment fl-istess perjodu fl-1929, Tottenham kienu saru l-ewwel tim Ingliż li ġew f’pajjiżna. Dakinhar lagħbu u rebħu s-sitt logħbiet li lagħbu kontra Valletta 2-1, Floriana 2-1, Sliema 7-1, MFA XI 7-1, Navy 2-1 u Army 5-0.
//= $special ?>