Bosta mnikkta wara t-telfa tal-kirurgu
“Ma nistax nemmen li qiegħed nikteb dan id-diskors, missier inħobbok”.
Hekk sostniet Hannah Casha, bint il-kirurgu tal-qalb Aaron Casha, ir-raġel ta’ 53 sena li tilef ħajtu wara li spiċċa nfettat bil-Covid-19. Fuq il-midja soċjali hija saħqet li r-reżiljenza tiegħu kienet tħalli lil kulħadd bla kliem, kemm fl-aħħar snin kif ukoll fl-aħħar sena.
Hannah saħqet li żgur ser tkun qed tħoss in-nuqqas tad-diskorsi li kien ikollhom bejniethom iżda tinsab ċerta li missierha jinsab f’post aħjar. L-unika konsolazzjoni li għandha, kompliet it-tfajla, huwa l-fatt li issa m’għadux f’battalja kostanti mal-ħajja.
Dan kollu filwaqt li bosta qraba u ħbieb sellmu l-memorja tal-kirurgu Casha fuq il-midja soċjali wara li qamu b’aħbar li ftit li xejn stennew li ser jisimgħu.
Aaron Casha huwa s-sitt fatalità fil-Gżejjer Maltin kawża tal-Coronavirus wara li spiċċa nfettat bil-virus waqt li kien rikoverat fl-Isptar Mater Dei.