Internazzjonali

COVID-19: L-aħħar żviluppi fil-pandemija

Fl-Istati Uniti, l-attur ċelebri veteran, Robert De Niro (ritratt), sostna li l-President Amerikan, Donald Trump ‘ma jimpurtahx’ dwar l-imwiet li qed jirriżultaw mill-Covid-10. De Niro, li waqt intervista (mal-BBC) kien qed jitkellem dwar l-impatt tal-pandemija fi New York, qal li dan hu żmien diffiċli ferm u li ma jistax jifhem ‘għalfejn Trump ma kienx suġġett għal kritika aktar iebsa dwar kif irreaġġixxa ( s’issa) għall-pandemija’.

Mara ta’ 113-il sena, li jaħsbu hi l-akbar anzjana fi Spanja, irnexxielha tegħleb il-Covid-19. Maria Branyas instabet li kellha l-infezzjoni f’Marzu, wara li l-pajjiż kien daħal f’lockdown, iżda hi rnexxielha tirkupra wara li damet il-ġimgħat iżolata — u fejn sofriet biss xi sintomi ħfief. Branyas anki kienet għexet mill-pandemija tal-influwenza storika li laqtet lid-dinja fl-1918-19.

Ir-Russja ħarġet direttivi biex ma jintużawx aktar mit-tip ta’ ventilaturi li fl-aħħar jiem ikkaġunaw nirien qattiela f’żewġ sptarijiet li qegħdin jitrattaw il-pazjenti tal-coronavirus.

Il-Ġermanja, mis-Sibt, se tibda tiftaħ partijiet tal-fruntiera għal aċċess mil-Lussemburgu u, possibbilment, mid-Danimarka. Il-kontrolli għall-partijiet tal-fruntiera Ġermaniża li jmissu ma’ Franza, l-Iżvizzera u l-Awstrija se jkunu estiżi sas-16 ta’ Ġunju — iżda mistenni li l-Ġermanja, fil-jiem li jmiss, tiftaħ l-aċċessi kollha possibbli fiċ-ċirkustanzi delikati.

L-impatt tal-Covid-19 irriżulta f’aħbarijiet ħżiena anki għall-produzzjoni miz-Zona Ewro. L-aħħar ċifri mill-Unjoni Ewropea qegħdin juru li l-produzzjoni industrijali niżlet bi ftit aktar minn ħdax fil-mija ( f’din iz-zona) f’Marzu – b’din tkun ‘l-akbar daqqa ‘l isfel’ għal xahar mindu bdew jinżammu r-rekords, fl-1991.