Internazzjonali

Covid-19: Qabża rekord fl-imwiet għal jum wieħed fil-Brażil

Il-Brażil irreġistra l-ogħla ammont ta’ imwiet mill-Covid-19 għal jum wieħed. It-total tal-vittmi għat-Tlieta kien ta’ 881 li tellgħu ċ-ċifra totali tal-imwiet mill-infezzjonijiet (fil-pajjiż) għal 12,400.

Dan ifisser li l-Brażil – ikkalkulat bħala ‘l-epiċentru tal-marda’ fl-Amerika Latina – sar is-sitt l-agħar pajjiż affettwat fid-dinja, f’termini ta’ imwiet ikkonfermati.

Fl-istess ħin, l-esperti qegħdin jgħidu li l-vera ċifra tal-vittmi kapaċi tkun ħafna ogħla minħabba nuqqas ta’ testijiet fil-pajjiż – u meta t-testijiet qed isiru biss għan-nies li jispiċċaw l-isptar. Għaldaqstant diffiċli biex wieħed isir jaf eżatt x’qed jiġri fil-Brażil skont id-data, meta l-pajjiż mgħandux politika speċifika biex jikkonfronta l-pandemija.

Hemm il-biża’ li l-pandemija tal-Covid-19 taqbad rata aktar mgħaġġla fil-Brażil, fost il-possibbiltà ta’ kroll għas-sistema tas-saħħa nazzjonali. Iżda l-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, qiegħed jimminimizza t-theddida tal-marda, fost kritika għall-Gvernaturi u Sindki Brażiljani li qed jimplimentaw il-miżuri stretti biex jevitaw firxa tal-infezzjonijiet.