Lokali Parlament

Diversi professjonisti ntlaqtu ħażin bil-pandemija tal-COVID 19

Toni Bezzina, PN

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlamet dwar l-Att biex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja dwar testal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel riferenza kemm għad-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Periti kif wkoll dwar l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera. Barra minn hekk, semma’ d-diffikultajiet li diversi professjonisti qed jiltaqgħu magħhom waqt il-pandemija tal-COVID 19.

Dwar id-dħul fis-seħħ ta’ diversi emendi tal-Att dwar il-Periti, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li għalkemm dawn l-emendi ilhom lesti żmien twil, il-gvern għadu jkaxkar saqajh biex iressaqhom il-parlament biex jiġu diskussi u konsegwentament jkunu mdaħħla fis-seħħ. Dan it-tkaxkir tas-saqajn qed joħloq problemi kbar lil dawk il-gradwati mill-Fakulta tal-Ambjent Mibni hekk kif jispiċċaw il-prattika u jiġu biex jersqu għall-warrant ta’ perit.

Professjoni oħra li qeda tħabbat wiċċha ma diffikultajiet kbar bl-emendi li qiegħed jipproponi l-gvern għall-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera huma l-inġiniera nnfushom. Dan għaliex fl-emendi proposti, il-gvern Laburista qiegħed jabolixxi għal kollox l-kelma ‘inġinier’ minn dan l-Att bir-riżultat li l-professjoni ta’ inġinier se tispiċċa darba għal dejjem.

Però dan mhux biżżejjed. Il-gvern Laburista qiegħed wkoll jipproponi li l-Professional Insurance li bħal professjonijiet oħra tkopri il-professjoni ta’ inġinier, se tiġi abolita wkoll. Dan se jsir b’ detriment kemm għal inġiniera nnfushom kif wkoll għall-klijenti tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel riferenza wkoll dwar kif il-pandemija tal-COVID 19 laqtet ħażin lil diversi professjonisti fosthom il-periti, avukati, inġiniera, dentisti, nutara u accountants, li bejniethom dawn iħaddmu ‘il fuq minn 10,000 professjonist. Peress li l-ħobża ta’ kuljum ta’ dawn il-professjonisti tiddependi mill-klijenti tagħhom, li wkoll intlaqtu ħażin minħabba il-pandemija, ma jistax jonqos li dawn spiċċaw fi problemi finanzarji wkoll.

Ħafna professjonisti qed isibu diffikultà kbira biex iħallsu lill-istaff tagħhom. Dan minħabba l-fatt li qed ikun hemm nuqqas ta’ xoghol. Minn stħarriġ li sar ħareġ illi madwar 50% tal-uffiċċji ta’ diversi professjonisti rraportaw li s’issa għadhom ma ġabrux aktar minn 30% tal-flus li għandhom idaħħlu. Dan apparti l-fatt li ħafna professjonisti u l-ħaddiema taghhom spiċċaw jaħdmu fuq 4 jew 3 day week.

Għalhekk, il-gvern irid jara kif jista jsostni lil dawn il-professjonisti biex jissuperaw din il-maltempata li għaddej minnha pajjiżna kif wkoll jingħataw leħen fi ħdan l-MCESD biex ikunu jistgu jagħtu l-kontribut meħtieġ biex fl-iqsar żmien possibli pajjiżna jerġa’ jiġi fuq saqajh appena tgħaddi din is-sħaba sewda minn fuq pajjiżna. Dan jista’ jsir billi l-gvern jara li dawn il-professjonisti jkollhom likwidità biżżejjed biex tiġi estiża s-soprevivvenza tagħhom kif wkoll jingħataw ċans ikunu aktar flessibli fl-immanġġjar tar-riżorzi umani tagħhom.

F’ċertu istanzi, l-assistenza diretta tal-Gvern taf tkun neċessarja biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi. F’ dan is-sens, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li miżuri li jista’ jieħu l-gvern jinkludu posponiment tal-ħlas tat-taxxa tad-dħul, tal-VAT u tas-sigurtà soċjali għal wara Diċembru tal-2021, moratorja ta’ iktar minn sena fuq self kemm kummerċjali kif wkoll personali ma banek, flessibilità fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ diversi professjonisti u l-ħaddiema tagħhom u assistenza finanzjarja diretta mill-gvern bil-patt illi jekk professjonist jirreġistra qliegħ fl-aħħar ta’ din is-sena finanzjarja, jrodd lura lill-gvern l-għajnuna finanzjarja li jkun ingħata.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil diversi professjonisti u ħaddiema, b’mod speċjali l-infermiera fil-ġurnata ddedikata lilhom, tal-ħidma tagħhom b’mod speċjali waqt din il-pandemija li laqtet lil pajjiżna.