Internazzjonali

Il-Covid-19 fir-Renju Unit: Jirritornaw għax-xogħol fost tnaqqis fil-lockdown

Numru ta’ nies fl-Ingilterra li ma jistgħux jaħdmu mid-dar qegħdin jirritornaw fuq il-postijiet tax-xogħol, meta l-Gvern qiegħed inaqqas mill-miżuri tal-lockdown.

Madankollu għad hemm ir-restrizzjonijiet partikulari, bil-Gvern iħeġġeġ lin-nies biex, jekk jista’ ikun, jevitaw it-trasport pubbliku. Dan meta n-nies li qed jużaw il-ferroviji u l-karozzi tal-linji qalu li l-attività f’dan is-settur hi tant li kemm-il darba mhumiex ikunu osservati r-regoli għal social distancing.

Fl-istess ħin, linji gwida ġodda mill-Kulleġġ għall-Pulizija qed jindikaw li l-uffiċjali ‘mgħandhomx poteri biex jinfurzaw id-distanzi ta’ fuq żewġ metri għan-nies fl-Ingilterra’.

Taħt ir-regoli l-ġodda fl-Ingilterra, in-nies, issa, jistgħu jqattgħu aktar żmien barra u, jekk iridu, huma permessi li jitrasferixxu minn dar għall-oħra.

Stabbilimenti bħall-garden centres qed jiftħu mill-ġdid u r-regoli jippermettu biex żewġ persuni minn familji differenti jiltaqgħu fil-parks, dment li jibqgħu aktar minn żewġ metri ‘il bogħod minn xulxin.

Jibqa’ il-fatt, madankollu, li l-linji gwida tal-Gvern dwar iż-żewġ metri distanza; il-kawtela rigward it-trasport pubbliku u l-ilbies tal-maskri tal-wiċċ ma jistgħux ikunu infurzati bilfors mill-pulizija fl-Ingilterra.

It-tneħħija ta’ xi miżuri tal-lockdown qed jittieħdu wara li l-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, żvela ‘pjan ikkundizzjonat bil-għan li s-soċjetà terġa’ tinfetaħ wara lockdown ta’ seba’ ġimgħat’.

Intant kien hemm differenza ta’ opinjoni dwar ir-regoli tal-lockdown bejn il-Gvern ta’ Londra u l-amministrazzjonijiet rispettivi tal-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq — li, min-naħa tagħhom, baqgħu jżommu l-aktar miżuri stretti, fost it-twissijiet biex in-nies jibqgħu d-dar.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali żvela li l-ekonomija tar-Renju Unit, fl-ewwel tlett xhur tas-sena, naqset bl-aktar rata mgħaġġla minn żmien il-kriżi finanzjarja globali tal-2008-2009.

Il-Kanċillier tal-Finanzi Britanniku, Rishi Sunak, sadanittant, qal li hu ‘ferm probabbli’ lir-Renju Unit jiffaċċja riċessjoni sinifikanti b’konsegwenza tal-pandemija.