Ewropa Lokali

“Il-vaċċin għandu jkun provdut mingħajr diskriminazzjoni” – MEP David Casa

“Il-vaċċin tal-COVID-19 għandu jkun provdut lil kulħadd mingħajr diskriminazzjoni”. Hekk sostna l-Ewroparlamentari David Casa waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Huwa sostna li l-vaċċin tal-pandemija li qed taħkem lill-Ewropa u mhux biss għandu jkun aċċessibbli għal kull persuna fid-dinja. David Casa saħaq ukoll li l-Unjoni Ewropea trid tkun preparata għall-possibilità li l-vaċċin jinstab f’kontinent ieħor li ma jkunx preparat li jaqsmu l-idea tagħhom ma’ ħaddieħor u għaldaqstant, huwa spjega li l-Unjoni trid tkun preparata tieħu ċertu miżuri bħal dak li hu magħruf bħala forced licencing.

Flimkien mal-MEP Miriam Dalli, David Casa qabel li l-kelma solidarjetà m’għandhiex tibqa’ biss slogan iżda l-Unjoni Ewropea għandha toħroġ l-id tal-għajnuna fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni bħal ma’ għamlet fis-snin preċedenti. David Casa insista li l-prijorità għandha tkun il-ħajja tan-nies u mhux il-prijoritajiet politiċi tal-istati Ewropej.

Mistoqsi minn Net News dwar is-sitwazzjoni tar-rifużjoni ta’ biljetti tal-ajru ta’ titjiriet ikkanċellati. David Casa sostna li minkejja li jagħraf il-fatt li kawża tal-pandemija dawn il-kumpaniji qed jesperjenzaw kriżi bla ebda preċedent, il-familji Ewropej, inkluż dawk Maltin, ma jistgħux jiffinanzjaw lil dawn il-linji minn buthom. Għaldaqstant huwa saħaq li l-għajnuna lill-kumpaniji tal-ajru m’għandix tingħata mill-konsumaturi bi ksur tad-drittijiet tagħhom.

Dan filwaqt li Miriam Dalli appellat li din il-pandemija qed tgħallimna l-bżonn qawwi li ma nistgħux immoru lura għal business as usual u hemm bżonn naċċertaw moħħna li ninvestu f’ekonomija sostenibbli. Meta mistoqsija minn Net News dwar jekk Malta għandhiex tieħu eżempju minn stati membri oħra u jsir tqassim b’xejn ta’ maskri hija farfret deċiżjoni amministrattiva f’id l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Hija saħqet li għandha fiduċja fis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Professur Charmaine Gauci u jekk il-parir tagħha jkun li jitqassmu l-maskri b’xejn dan għandu jsir.

Finalment David Casa rringrazzja lill-frontliners kollha mill-mediċi u membri tas-sigurtà sa sidien ta’ ħwienet tal-merċa u ġurnalisti li ta’ kuljum jaħdmu qatigħ sabiex uħud jissalvagwardaw saħħet il-poplu u jżommu l-pubbliku informat.