Coronavirus Lokali

Is-settur tal-IT iħoss id-daqqa tal-pandemija

Għalkemm ħafna xogħol qed isir grazzi għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, is-settur tal-IT ukoll intlaqat mill-effetti tal-pandemija tal-coronavirus.

F’kummenti waqt il-programm Net Live, Omar Said, espert li ilu snin jahdem fis-settur tal-IT spjega illi ħafna mill-operaturi joffru servizz lil entitajiet li kellhom jieqfu minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħħ biex jitrażżan il-virus. Hu stmat li dawn is-servizzi, fosthom ta’ back office għal lukandi u negozji oħrajn, naqsu b’madwar 70%.

Omar Said qal li anki min għadu qed jaħdem, dan naqqas drastikament ix-xogħol tiegħu għal dak li għandu x’jaqsam mal-IT minħabba l-inċertezza dwar kemm se ddum din il-pandemija.

Kompla li t-tbassir li s-settur mistenni jirpilja wara s-Sajf hu pjuttost ottimist għaliex l-IT jiddependi minn setturi oħrajn li se jdumu ferm iktar biex jissoktaw bl-attivita tagħhom.

Omar Said qal li anki f’ċirkostanzi normali, is-servizzi tal-IT ipprovduti minn terzi huma meqjusa min-negozji bħala spiża…li tkun minn tal-ewwel li jaqtgħu meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb.