Josephine Farrugia twaħħal f’Paul Bugeja; Paul Bugeja jwaħħal f’Josephine Farrugia u Leslie Vella… u l-mistoqsijiet jibqgħu mhux imwieġba!
Fit-tielet laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li qed jiddiskuti l-kontijiet tal-Awtorità tat-Turiżmu b’enfasi fuq il-kuntratt ta’ €4.5 miljun bejn l-MTA u l-Vista Jet, irriżulta li ex-uffiċjali ogħlja tal-MTA u ex-uffiċjal tal-Ministeru tat-Turiżmu waħħlu f’xulxin dwar min awtorizza pagamenti kontroversjali.
L-ewwel xhud is-seduta kien Paul Bugeja, li kien CEO u membru fil-Bord tal-MTA bejn Settembru 2014 u Marzu 2018 u li xehed dwar il-kuntratt bejn il-MTA u l-Vista Jet fejn qal li l-komunikazzjoni tal-MTA dwar dan il-kuntratt kienet permezz tal-Ministeru tat-Turiżmu.
Hu qal li kien il-Ministeru tat-Turiżmu li indika l-Vista Jet għal dan il-kuntratt anki minħabba li l-Ministeru tat-Turiżmu kien jinkludi wkoll l-avjazzjoni. Il-kuntatt dirett dwar and il-kuntratt kienet Josephine Farrugia, li kienet tirrappreżenta l-interessi tal-avjazzjoni fil-Ministeru, sostna Paul Bugeja.
Josephine Farrugia qalet totalment bil-maqlub, irrimarka d-deputat Nazzjonalista Chris Said filwaqt li d-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li kienet l-MTA avviċinata dwar dan il-kuntratt. Beppe Fenech Adami qal li r-responsabbiltajiet għal dan il-kuntratt iridu jintrefgħu u jrid ikun stabbilit kif oriġina dan il-kuntratt ta’ €4.5 miljun.
Paul Bugeja kompla li dan hu kuntratt fuq branding iżda d-deputati Nazzjonalisti sostnew li l-invoices kollha jitkellmu fuq marketing. Hu qal li dan il-kuntratt kienet wieħed standard tal-MTA u kien il-ministeru li nnegozja t-termini. Direttament ma kellhix x’naqsam ma’ dawn in-negozjati, sostna Paul Bugeja, li kompla li ma kienx hemm negozjar fuq branding.
L-ex CEO tal-MTA qal li mhux hu innegozja mal-Vista Jet iżda ma jafx min kien innegozja mal-Vista Jet. Hu kompla li l-Bord tal-MTA ma kienx informat dwar dan il-kuntratt għaliex din ma kienitx il-proċedura.
L-ex CEO tal-MTA xehed li l-kuntratt ma kienx iffirmat direttament mal-MTA iżda mal-kumpanija Malta Marketing Company (MMC), li hi tal-MIMCOL u l-Gvern. Hu qal li m’għandux informazzjoni kemm ġabu turisti f’Malta l-Vista Jet. Fost interruzzjonijiet tad-deputati Laburisti, Chris Said sostna li dan juri kemm il-gvern għandu x’jaħbi dwar dan il-kuntratt.
Paul Bugeja ammetta li l-kuntratt fih żball żgħir minħabba li dan kien kuntratt standard u għalhekk ma jistax ikun ikkunsidrat bħala wieħed invalidu. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami irrimarka li l-fatti huma li l-kuntratt fih klaswoli li ma ssirx riferenza għalihom u klawsoli li ma jeżistux.
Fix-xhieda tiegħu Paul Bugeja qal li ma jiftakarx li ra l-kuntratt qabel dan kien iffirmat għalkemm internament hu ddiskuta l-kuntratt ma’ Leslie Vella u ma’ Josephine Farrugia. Għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ix-xhud kompla li wara li kien iffirmat il-kuntratt kellu diskussjonijiet mal-Ministeru tat-Turiżmu.
Skont il-kuntratt, il-Vista Jet kellha tagħmel re-branding tal-logo biex tidher li mxiet għal Malta iżda Karol Aquilina ikkonferma li l-logo ma jurix li l-logo inbidel u ma juri xejn dwar Malta. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li ma jirriżulta minn imkien li Malta ma tissemma’ jew tidher x’imkien fl-istazzjonijiet barranin.
Paul Bugeja kompla li hu approva l-pagamenti ta’ €4.5 miljun iżda jkun hemm ukoll l-approvazzjoni tad-diversi direttorati. Hu kien ikkonsulta wkoll ma’ Leslie Vella u ma’ Josephine Farrugia li pprovdietlu d-dokumenti konnessi.
Dwar il-verifikazzjoni tal-invoices dwar il-hits fuq l-ipad li għalihom l-MTA ħallset €17,500 għal 70 hit bir-rata ta’ €250 kull hit, Paul Bugeja qal li l-kuntratt hu all inclusive u sostna li fil-kuntratt ma kienx hemm prezz għall-hits. Paul Bugeja qal li l-kuntratt ma kellux għalxiex jitkellem fuq il-hits għaliex it-total tal-ewwel sena kien €1.5 miljun. Ħadd ma vverifika dan il-kuntratt għaliex iċ-ċifri jagħmlu sens, sostna l-ex CEO tal-MTA, li kompla li hu ma vverifikax jekk kienx hemm spots fuq Malta jew artikli fuq il-Vista Jet.
Dan hu kuntratt maħmuġ, sostna d-deputat Nazzjonalista Chris Said, li kompla li hu kien emmen lil Leslie Vella u lil Jospehine Farruga. Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li l-fatti huma li Josephine Farrugia dejjem issemmi lil Paul Bugeja u Paul Bugeja dejjem isemmi lil Leslie Vella.
Mistoqsi dwar l-invoicies iffirmati minn Josephine Farrugia, l-invoicies mhux iffirmati u invoice ta’ €1.04 miljun mhux iffimrati, l-ex CEO tal-MTA qal li l-MTA ma kellhix fondi biex tagħmel dan l-eżerċizzju ta’ branding u għalhekk l-MTA talbet għal fondi addizzjonali permezz tal-MMC.
Paul Bugeja kkonferma li l-kuntratt mal-Vista Jet kien iffirmat miċ-Chairman tal-MTA u qal li l-invoicies kienu kkoreġuti biex inħarġu f’isem l-MMC. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li hemm provi ta’ numru ta’ invoicies li ħarġu mill-MTA u ma kienux ikkoreġuti.
Paul Bugeja ikkonferma li ffirma dokument għal pagament ta’ €1.5 miljun għal marketing and advertising services iżda m’għarafx min kien kiteb id-dokument.
Jirriżulta li l-Vista Jet ġarret biss 46,000 turisti u għalih Malta ħallset €4.5 miljun.
Paul Bugeja qal li ma jafx għalxiex il-kuntratt mal-Vista Jet ma reġax iġġedded.
Chris Said qal li Josephine Farrugia insistiet li hi qatt ma ffirmatx payment authorisation forms iżda ffirmat biss talba għal estensjoni tal-fondi. Paul Bugeja qal li t-talba għall-finanzi ma jsirux fuq dawk il-formoli u dawn saru mill-MTA. Hu qal li din kienet awtorizzazzjoni biex isir il-ħlas.
Paul Bugeja qal li ma jafx jekk il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi jew Edward Zammit Lewis kienux intervistati mill-istazzjonijiet barranin NBC u Bloomberg. Hu qal li ma jiftakarx jekk Konrad Mizzi kellmux fuq dan il-kuntratt u ma ftakarx jekk Edward Zammit Lewis kien kellmu. Ix-xhud qal li Keith Schembri u Joseph Muscat qatt ma kellmuh fuq dan il-kuntratt.
Dwar il-konferenza tal-aħbarijiet li swiet €50,000, Paul Bugeja qal li dan kien valur ta’ branding marketing u għaliha kien attenda ġurnalist ta’ Forbes għalkemm hu ma kienx informat jekk ir-rapport sarx. Paul Bugeja qal li l-kuntratt għal dan il-ħlas kien ma’ Josephine Farrugia u sostna li ma kienx jaf mill-ewwel jekk saritx il-konferenza tal-aħbarijiet. Paul Bugeja xehed li ma kienx hemm kuntratti oħra ta’ dan it-tip
//= $special ?>