Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Iwaqqaf grupp ta’ ħidma minn wara dahar l-għalliema

L-Erbgħa waranofsinhar, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici nieda Think Tank sabiex janalizza u jfassal it-triq ‘il quddiem għall-edukazzjoni fl-era ta’ wara Covid-19.

Iżda milli jidher, dan it-Think Tank wasal b’sorpriza mhux biss għall-ġurnalisti u l-pubbliku, iżda wkoll għar-rappreżentanti tal-iktar komponent importanti fil-proċess edukattiv – l-għalliema u edukaturi.

Fil-fatt, inqas minn siegħa wara li ntemmet il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Owen Bonnici, il-Union tal-Għalliema l-MUT fi stqarrija qalet li t-Think Tank kien qiegħed jinħema minn wara dahar kulħadd.

L-MUT qalet li mhux involuta f’dan il-forum u għaldaqstant mhux qed tirrikonoxxi dan il-grupp. Il-Union kompliet li dan it-think tank żgur mhux rappreżentattiv tal-esperjenza fil-qasam, inkluż l-edukaturi infushom.

“L-Edukaturi fil-klassi u fl-iskola huma l-esperti u ma jistax ikollok analiżi u riflessjonijiet mingħajr din l-esperjenza vasta tagħhom,” ittemm l-MUT.

Dan hu l-aħħar minn sensiela ta’ inċidenti fejn jidher li li Owen Bonnici beda fuq sieq ħażina minn mindu ingħata d-dekasteru tal-edukazzjoni minn Robert Abela.

Il-gimgha li ghaddiet, fuq Facebook, Owen Bonnici urta ħafna għalliema meta ta x’jifhem li qed jgħidilhom kif għandhom jagħmlu lezzjoni.

Post li qajjmet għagħa u wasslet biex il-Ministru jneħħieha u jerġa’ jikteb fuq Facebook biex jipprova jiġbor ġiehu mal-għalliema.

Ġimgħa wara, Owen Bonnici jerġa’ jagħmilha. Iwaqqaf grupp biex ifassal il-qafas edukattiv fir-realta’ ġdida tal-covid-19… u jħalli l-qalb tħabbat tas-sistema edukattiva, l-għalliema u l-edukaturi, barra minn din il-ħidma.