Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-artiġġjani Maltin ikunu salvati

Arkivji

Edwin Vassallo PN

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella biex l-artiġġjani Maltin ikunu salvati għaliex dawn jirrapreżentaw l-identità Maltija.

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-artiġġjani huma n-negozjanti li huma fost l-iżgħar; kemm jekk iħaddmu ħaddiema kif ukoll jekk le. Hu sostna li l-liġi għandha tiffoka fuq kif dan is-settur ikun sostenibbli għaliex is-snajja ta’ dawn in-nies m’humiex daqshekk sostenibbli u ma jaqbillhomx jibqgħu artiġġjani.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-interessi tal-kbar m’għandhomx iwaqqfu l-interessi taż-żgħir u għalhekk dawn iż-żgħar għandhom ikunu mgħejjuna biex isalvaw. Hu sostna li l-artiġġjanat hu l-futur u l-fattur ewlieni ta’ preżentazzjoni tal-pajjiż fl-istorja u l-identità tal-pajjiż u tal-irħula.

Edwin Vassallo kompla li l-PN se jivvota favur il-liġi għaliex jemmen fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-artiġġjanat Malti, li għandu jkun protett u żviluppat biex Malta ma titlifx dak li hu tagħha.

Id-deputat Nazzjonalista qal li jeħtieġ li jkollha impenn ġenwin biex titwettaq u sostna li din il-liġi mhix qed tinvolvi lill-artiġġjani; kif kienet tagħmel il-liġi li kien hemm qabel. Hu ppropona li jridu l-artiġġjani li jkunu l-mutur u l-impenn wara din il-liġi; il-gvern għandu jkun gvern tan-nies. Jeħtieġ li s-snajja li qed imutu jingħataw l-għajnuna meħtieġa.

Edwin Vassallo tkellem dwar l-istruttura u qal li l-liġi li se titneħħa kienet tinkludi ġlieda kontra l-prodotti li ġejjin miċ-Ċina, dwar is-saħħa li għandu jkollu r-reġistratur, il-mod kif dan għandu jopera u l-improtanza li tiddaħħal struttura iktar b’saħħitha minn dik li qed tinbidel.

Dwar il-konsultazzjoni, Edwin Vassallo qal li l-gvern mhux ikun innovattiv fil-parteċipazzjoni tal-artiġġjani biex ikun hemm parteċipazzjoni. Hu qal li l-Awtorità kellha tissaħħaħ u mhux tiddgħajjef bl-involviment tal-artiġġjani nnfushom. Jeħtieġ li jkun hemm inqas gvern u iktar poplu f’dawn is-soluzzjonijiet.

Edwin Vassallo qal li din il-liġi qed tkun fqira wkoll fi struttura ta’ amministrazzjoni.