Internazzjonali

Libja: Il-qawwiet tal-Gvern jintensifikaw l-attakki fuq il-ġellieda ta’ Haftar

Il-qawwiet tal-ajru tal-Gvern ta’ Tripli, fl-aħħar sigħat, attakkaw u qerdu vetturi li kienu qegħdin jitrasferixxu numru ta’ merċenarji li qed jappoġġjaw lill-Ġeneral tal-Armata Libjana tal-Lvant, Khalifa Haftar.

L-azzjoni seħħet lejn il-lbiċ ta’ Tripli li ilha aktar minn sena taħt assedju mit-truppi ta’ Haftar. Dan meta l-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda qed jippruvaw jeliminaw ir-rotot li qed jintużaw għat-trasport ta’ provvisti lill-Armata tal-Lvant.

Il-merċenarji li sfaw mira tal-attakk kienu milizji mis-Sudan, bil-qawwiet tal-ajru tal-Gvern anki jwettqu mill-anqas tliet attakki oħra fuq il-bażi tal-ajru ta’ Al-Watiya, li hi okkupata mill-qawwiet leali għal Haftar.

Fl-istess ħin, il-qawwiet tal-ajru alleati mal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, wettqu moniteraġġ kontinwu taz-zoni fiċ-ċentru ta’ Tripli u lejn il-Punent mill-kapitali biex isiru jafu l-movimenti tal-milizji ta’ Haftar.

Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tal-Gvern ta’ Sarraj anki attakkaw bażi li qed jużaw il-merċenarji mal-Grupp Wagner, tar-Russja, li ilhom ix-xhur jappoġġjaw lil Haftar fil-konflitt għal Tripli.

Il-Grupp Wagner hu fost l-aktar kontroversjali minn fost il-gruppi tal-merċenarji fir-Russja. Is-sid ta’ din l-entità armata hu Yevgeny Prigozhin, negozjant sinjurun b’rabtiet mill-qrib mal-President Russu, Vladimir Putin.

Il-bażi ta’ Al-Watiya titqies bħala bażi tal-ajru ewlenija fil-Libja u l-importanza tagħha hi biss ftit anqas minn tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Mitiga. Kien f’Awwissu tal-2014 li l-bażi inkwistjoni waqgħet f’idejn Khalifa Haftar li beda jużaha bħala kwartier ġenerali minfejn seta’ imexxi l-azzjonijiet militari lejn il-punent ta’ Tripli.

Intant, Haftar ilu jintensifika l-attakki fuq ċivili mill-bidu ta’ dan ix-xahar u meta l-qawwiet ta’ Sarraj, fl-aħħar jiem, dehru li qed jieħdu l-vantaġġ fil-konflitt ċivili, fost rapporti dwar ‘disfatti notevoli’ għall-Armata tal-Lvant.

Fl-istess ħin, il-Kap tal-Kunsill Għoli tal-Istat Libjan, Khalid Al-Mishri, qal li Khalifa Haftar ‘ma għandux postu fil-futur tal-Libja’ waqt li kien qed jiddiskuti l-iżviluppi fil-pajjiż flimkien mal-Ambaxxatur Ġermaniż għal-Libja, Oliver Owcza.