Coronavirus Lokali

AĠĠORNATA: Raġel ta’ 53 sena hu s-sitt vittma tal-Coronavirus f’Malta

Il-vittma huwa l-kirurgu Aaron Casha

Matul il-lejl f’pajjiżna kellna vittma oħra li mietet bil-Covid-19. Dan ir-raġel kien pazjent fl-isptar Mater Dei, u kellu numru ta’ kundizzjonijiet mediċi kroniċi oħra.

Sorsi mill-Isptar ikkonfermaw ma’ NET NEWS illi r-raġel ma kienx anzjan. Fil-fatt, ftit tal-ħin wara li ppublikajna din l-istorja, il-Ministeru tas-Saħħa qal li l-vittma kellu 53 sena.

Aktar tard, dan is-sit ikkonferma li l-vittma hu l-Professur Aaron Casha – konsulent u kirurgu tal-qalb.

Pajjiżna bħalissa jinsab fl-10 ġimgħa ta’ emerġenza medika.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed jappellaw mill-ġdid biex il-poplu jsegwi d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa, għax b’hekk biss nistgħu nipproteġu lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Ftit tal-jiem ilu, fil-5 ta’ Mejju, kellna l-konferma tal-ħames mewt b’rabta mal-Covid-19 f’pajjiżna.