Coronavirus Lokali

Raħħas il-petrol u d-diesel bi 30ċ mil-lum stess – il-PN

Malta bl-ogħla prezz tad-diesel u bit-tieni l-ogħla prezz tal-petrol

Il-Maltin qegħdin iħallsu l-ogħla prezz tad-diesel u t-tieni l-ogħla prezz tal-petrol mis-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Altru milli l-aqwa fl-Ewropa, Malta tinsab l-agħar minn kulħadd. Hekk qal ilKelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Immaniġġjar u l-Konservazzjoni tal-Ilma Ryan Callus waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Hermann Schiavone u Toni Bezzina.

Ryan Callus qal li dan il-fatt joħroġ mill-istatistika tal-Eurostat, li juri iswed fuq l-abjad kif il-politika ta’ stabbiltà bi prezzijiet għoljin tal-Gvern Laburista falliet fiż-żmien meta l-familji u n-negozji tagħna l-iktar li kellhom bżonn l-għajnuna. Huwa qal li mill-bidu tal-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna sal-lum, kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea raħħas il-prezzijiet tal-petrol u diesel, bl-eċċezzjoni unika ta’ Malta.

Dan ix-xenarju kompla jiggrava mal-ġimgħat, sabiex tlajna fil-quċċata tal-ogħla prezzijiet. Il-prezz tal-petrol qiegħed 25ċ ogħla mill-medja Ewropea, filwaqt li d-diesel qiegħed 21ċ ogħla mill-medja. Ikkumparat mal-irħas prezz fis-suq Ewropew, il-petrol jinsab kważi 60ċ ogħla, filwaqt li d-diesel qiegħed 45ċ ogħla. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex b’mod immedjat iraħħas ilprezzijiet tal-petrol u d-diesel bi 30ċ għal kull litru. L-industrija u ħaddiema baqgħu jħallsu bl-ogħli, u f’dan il-mument meta iktar ħaddiema qed jirritornaw għax-xogħol, il-Gvern għandu jammetti lfalliment fil-politika tal-fuels, u jdawwar ir-rotta biex iwieżen lin-negozji u familji Maltin f’din il-kriżi.

Hermann Schiavone qal li fl-aħħar ġimgħat il-familji Maltin kellhom jaġġustaw ħajjithom u dak li jikkunsmaw. Huwa qal li dil-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista tkellem kemm-il darba dwar il-konsum tad-dawl u l-ilma u kif il-prezz tad-dawl u l-ilma għandu jorhos b’50%, u l-fuel bħad-dawl u l-ilma jużah kulħadd. Hermann Schiavone elenka numru ta’ setturi kummerċjali li jagħmlu użu millfuel għall-għixien tagħhom biex jaqilgħu x’jieklu iżda wkoll il-familji li jagħmlu użu mill-fuel għallkarozzi tagħhom, filwaqt li saħaq li l-Gvern qed jisraq lill-poplu kull darba li mmorru fil-pompa tal-petrol.

Hermann Schiavone qal li l-prezz internazzjonali tal-gass ukoll naqas ħafna imma l-konsumaturi Maltin u Għawdxin ma gawdewx minn dan it-traħħis. Eluf ta’ familji tnaqqsilhom drastikament iddħul tagħhom u t-tbatijiet li għaddejjin minnhom f’dan iż-żmien se jkomplu jirrankaw fil-ġimgħat u xxhur li ġejjin. Huwa qal li l-konsumaturi Maltin u Għawdxin diġà naqsu konsiderevolment il-konsum ta’ prodotti li jistgħu jnaqqsu. Hemm prodotti bħall-fuel li ma tistax tnaqqsu anke għaliex ħafna nies qed jibżgħu jużaw it-trasport pubbliku. Hermann Schiavone qal li l-Gvern għandu minn fejn iraħħas il-fuel għax il-prezz internazzjonali niżel fl-iżjed livell baxx fl-istorja. Nistennew allura li l-Gvern jaċċetta l-proposta tagħna u jghin lill-familji Maltin u Għawdxin, lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin billi immedjatament iraħħas il-prezz tal-fuel.

Toni Bezzina qal li filwaqt li l-prezz tal-fuel f’pajjiżna huwa għola minn dak ta’ pajjiżi oħra talUnjoni Ewropea, l-poplu ma jħossux kunfidenti juża t-trasport pubbliku minħabba n-nuqqas ta’ teħid ta’ prekawzjonijiet adekwati fl-użu ta’ dan is-servizz tant importanti għal pajjiżna. Madwar xahar u nofs ilu, l-Partit Nazzjonalista kien ippropona diversi proposti konkreti sabiex il-Gvern itejjeb ilprattiċi fil-konfront tal-ħaddiema tat-trasport pubbliku kif ukoll tal-passiġġieri li jużaw dan is-servizz. Dawn kienu jinkludu li:
• Il-hlas għand jsir kollu b’Tal-Linja card
• Għandu jiġi pprovdut lix-xufiera l-ilbies kollu protettiv neċessarju fosthom maskri
• Kull meta jinbidel x-xufier, għanda titteħidlu t-temperatura
• Għandu jkun hemm hand sanitizers disponibbli biex ikunu jistgħu jiġu wżati mill-pubbliku kif jitilgħu u qabel jinżlu mill-karozzi tal-linja
• Għandhom jiżdiedu n-numru ta’ vjaġġi speċjalment fir-rush hours biex niżguraw li tinżamm aktar distanza bejn il-passiġġieri
• Jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex tinżamm id-distanza bejn il-passġġieri fuq il-vendi tal-karozzi tal-linja

Toni Bezzina qal li għalkemm fil-bidu ta’ dan x-xahar ħarġu direttivi mill-Awtorità tas-Saħħa biex kull min juża t-trasport pubbliku jrid jilbes il-maskra, minflok l-operatur tat-trasport pubbliku kkopera mal-awtoritajiet, ħareġ ċirkolari lix-xufiera fejn ta’ struzzjonijiet sabiex ma jirrifjutawx passiġġieri li ma jkunux liebsin maskra. Agħar minn hekk, minflok l-operatur tat-trasport pubbliku ħa l-inizjattiva u żied r-rottot speċjalment fir-rush hours biex kemm jista’ jkun fuq il-karozzi tal-linja jkun jista’ jinżamm is-social distancing, għalkemm għadu jieħu ‘l fuq minn €30 miljun f’ sussidji mit-taxxi tagħna, qiegħed fil-proċess li jbiegħ mal-50 karozza tal-linja li kienu ngħataw lilu mill-Gvern Malti. Dan qed iwassal biex inqas nies jużaw dan il-mezz ta’ trasport u minflok qed jużaw il-karozzi privati tagħhom b’iktar spejjeż għalihom u għall-familji tagħhom minħabba l-prezz għoli tal-fuel u b’ dannu lejn l-ambjent ta’ madwarna minħabba żieda fit-tniġġis tal-arja.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus, l-Kelliem għall-Industrija tal-Catering u dDivertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Hermann Schiavone u il-Kelliem talOppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina.