Lokali Parlament

Suspetti u dubji dwar kif ingħażlet lukanda f’Għawdex biex takkomoda anzjani fil-COVID 19

Maria Deguara PN

Maria Deguara tkellmet dwar ir-raġuni vera wara l-għażla tal-lukanda Downtown fir-Rabat Għawdex biex takkomoda l-anzjani li kienu fis-sala Sant Anna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Meta l-Ministeru ta’ Għawdex kien mistoqsi kif ġiet magħżula l-lukanda Downtown u jekk kienx hemm alternattivi oħra, ir-risposta kif irraportata fil-ġurnali kienet u “li hu kien innegozja din il-proċedura wara li kien għamel riċerka sostanzjali fuq is-swieq tal-akkomodazzjoni f’Għawdex u wara ċertu kalkoli ttieħdet deċiżjoni fl-iqsar żmien minħabba ċ-ċirkostanzi urġenti”.

Hija ħaġa normali li jekk żewġ persuni jitfgħu offerta dak li jirbaħ l-offerta jgħid li rebħu għax kien ħaqqu waqt li dak li ma jirbħux jgħid li kien saret inġustizzja miegħu. Is-suspett fil-każ meta jingħata direct order bħal ma’ ġara f’dan il-każ iqajjem suspett raġonevoli li mhux kollox mexa kif suppost.

L-anzjani milutqa m’humiex anzjani mobbli jew anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena imma fuq persuni fraġili, li l-maġġoranza tagħhom huma dejjem fis-sodod minħabba l-istat debboli ta’ saħħithom.

Maria Deguara kompliet li ktar minn pazjenti oħra, kull post fejn jiġu rekoverati, jinħtieġ, jirrispetta sew d-dinjità u l-privatezza tagħhom bħala persuna. Għalhekk ġew stabbiliti standards għad-djar tal-anzjani; standards li huma differenti ħafna minn dawk mitluba fil-kas tal-lukanda f’Għawdex. Fil-preżent, minħabba l-Covid-19, dawn l-anzjani qed jiġu imċaħħda milli jaraw l-għeżież tagħhom u dan jkompli jkabbar it-trawma psikoloġika assoċjata ma’ bidla fl-ambjent li mdorrijin jgħixu fih.

Maria Deguara sostniet li kieku id-Downtown kienet l-unika lukanda f’Għawdex li hi attrezzata b’faċilitajiet li jagħmluha idonja għal rikoveru għall-anzjani ħadd ma kien jgħid xejn. Però fil-preżent minħabba in-nuqqas ta’ turisti, kemm Maltin kif ukoll barranin, żġur li hemm numru ta’ lukandi aktar moderni u aktar komdi li kienu lesti li temporanjament jipprovdu dan is-servizz, aktar u aktar meta kulħadd irrassenjat li fil-bqija tax-xhur ta’ din is-sena it-turiżmu se jkun batut.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-fatt li l-Covid-19 hu ta’ periklu akbar meta jaffettwa l-anzjani ilu magħruf sa minn Jannar. Dan ifisser li kien hemm tul ta’ żmien biżżejjed biex kif ġara f’Malta, segħtu jsiru preparamenti f’waqthom anki f’ Għawdex.

Kien hemm numru ta’ postijiet alternattivi li kienu lesti joffru mhux biss numru akbar ta’ kmamar, imma kmamar iżjed spazjużi u komdi, li jipprovdu privatezza aħjar, iżjed spazji miftuħa u anki ġonna. Għalkemm numru minnhom qiegħdin ftit minuti ‘l bogħod miċ-ċentru, dawn għal xi raġuni jew oħra skond kif ġie rrapurtat lanqas biss ma ġew konsultati.

Hemm fattur ieħor li jeħtieġ jiġi ċċarat biex ikun żgurat li kollox sar b’mod trasparenti. F’Malta l-ħlas għal rikoveru f’residenza jew dar għall-anzjani jvarja minn minimu bejn €50 u €80 kull persuna u dan il-ħlas jinkludi s-servizzi kollha inkluż l-ikel.

Id-Downtown għandha madwar 37 kamra. Fil-kuntratt li l-Ministeru ta’ Għawdex għamel mal-propretarji tad-Downtown il-ħlas se jkun ta’ €109.58ċ għal kull kamra ta’ żewġ sodod. Dan il-ħlas la jinkludi l-ikel, la jkopri l-pagi tal-istaff bħal infermiera u carers, għaliex dawn se jiġu trasferiti mis-swali tal-Isptar Ġenerali u lanqas ikopri mediċini u medical consumables.

Id-Downtown marbut li jkopri biss il-pagi tal-cleaners, ir-receptionists u l-ispejjeż ta’ alterazzjonijiet żgħar. L-ispiża għal kull kamra ser toħroġ ferm għola mis-soltu, tant, li hu stmat li l-gvern ser jagħti madwar €1.6 miljun lild-diretturi tad-Downtown f’sena waħda apparti li jkollu jkompli iħallas il-pagi tal-ħaddiema tal-gvern u l-ħlas tas-servizzi anċillari.

Dan kollu, kif ġie irrapurtat, jidher li qed isir sabiex Steward Health Care jikkonvertu is-swali ġerjatriċi ġewwa l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex ikunu jistgħu jilqgħu pazjienti morda bil-Covid-19 jekk u meta ikun hemm il-ħtieġa. Fil-verità kienet deċiżjoni tajba li s-swali tal-ġerjatrija jinħarġu mill-isptar ġenrerali malli faqqet il-pandemija. Id-dubji qamu dwar il-mod ta’ kif saret l-għażla tal-post fejn dawn l-anzjani ġew rikoverati.

Skont xi qraba ta’ dawk rikoverati, l-istandards ġewwa d-Downtown huma inferjuri għal dawk li l-anzjani kienu imdorrijin jirċevu ġewwa l-Isptar Ġenerali. Skond investigazzjoni mis-Social Care Standards Authority l-istandards mitluba fid-Downtown huma konformi ma’ dawk speċifikati fil-ħruġ tal-liċenzja ta’ emerġenza li nħarġet f’dan il-każ.

L-Awtorità tal-Istandards, wara li żaret il-post, għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet li jinħtieġ jitwettqu fi żmien qasir fosthom, li saħqet li kull resident għandu ikollu spazju adekwat fejn jista’ jpoġġi ħwejġu u l-affarijiet personali oħra tiegħu.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikomplu iqajmu dubji serji dwar l-adekwatezza ta’ l-għażla tal-post innifsu u jekk keinitx l-aħjar soluzzjoni li setgħet tinsab.