Futbol Sport

Tliet klabbs b’appell lill-Prim Ministru biex tittieħed deċiżjoni ġusta dwar it-tkomplija tal-Kampjonat Premier

(Ritratt: James Galea)

It-tliet klabbs tal-Kampjonat Premier Birkirkara, Gżira United u Valletta kitbu ittra lill-Prim Ministru ta’ Malta, qabel laqgħa li se ssir għada mal-MFA fejn se tkun qed tiġi diskussa t-tkomplija tal-Kampjonat. Huma saħqu biex id-deċiżjoni mill-awtoritajiet Governattivi, tittieħed bl-aktar mod ġust.

Madwar ġimgħa ilu, l-istess tliet klabbs kitbu lill-MFA fejn ipproponew li l-klabbs għandhom jirritornaw għat-taħriġ fl-10 ta’ Ġunju filwaqt li pproponew li l-Kampjonat Premier għandu jitkompla fl-1 ta’ Lulju. F’din l-ittra tagħhom li kienet indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti, it-tliet klabbs kienu saħqu dwar il-pożizzjoni li jkomplu u jikkonkludu l-istaġun 2019/20. Dan biex fi kliemhom il-ġudizzju finali jsir fil-pitch.

“It-tliet klabbs preżenti nimpjegaw aktar minn 100 ruħ bejnietna u niġġeneraw aktar minn terz tan-nefqa total (c.€9M) li ssir fil-BOV Premier League. Għaldaqstant, ninsabu impenjati u kommessi sabiex il-kampjonat jitkompla sabiex dan l-investiment li aħna nagħmlu sena wara l-oħra jkollu l-eżitu tiegħu determinat minn mertu esklussivament sportiv, fejn ir-rebħ tal-kampjonat u l-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej jintgħażlu fuq mertu sportiv u mhux fuq il-mejda.”

Fl-istqarrija ffirmata mill-Viċi President ta’ Birkirkara Michael Valenzia, il-President ta’ Gżira United Sharlon Pace u l-Viċi President ta’ Valletta Alexander Fenech, sar appell biex il-Gvern jimxi b’ġustizzja u saħqu li peress li hemm rapport mediku fuq dak li għandu jsir, “ma għandux ikun diffikultà biex il-merti jingħataw b’ġustizzja fil-pitch.”

Fl-aħħar jiem, il-Malta Football Association ippreżentaw protokoll mediku għal  waqt it-taħriġ kif ukoll jekk u meta jirritorna l-logħob kompetittiv. It-tliet klabbs iħossu li l-protokoll mediku mħejji mill-MFA għandu jgħin biex ikun hemm aktar attenzjoni kif jirritornaw għal-logħob.

Huma appellaw biex fid-deċiżjoni li se tittieħed, jitqiesu wkoll ir-riperkussjonijiet li deċiżjoni se jkollha fil-futur. “Aħna ma narawx kif tista’ tittieħed deċiżjoni li jitwaqqaf il-kompetizzjoni llum biex b’xi mod nerġgħu nibdew tliet xhur oħra.  Bejn illum u tliet xhur oħra, ftit li xejn ser ikun hemm kambjament u għaldaqstant f’każ ta’ risposta negattiva, nistennew li tingħata risposta dettaljata bir-raġunijiet in kwistjoni u kull attività sportiva tiġi sospiża sakemm jinstab xi trattament jew metodu ta’ fejqan għall-Covid-19,” qalet l-istqarrija.