Lokali

Turija oħra ta’ nuqqas ta’ rispett lejn il-professjoni tal-għalliema – PN

“Il-fatt li ħalla lill-għalliema barra minn think tank dwar l-edukazzjoni, il-ministeru tal-edukazzjoni, għat-tieni ġimgħa konsekuttiva reġa’ wera nuqqas ta’ rispett lejn il-professjoni, id-dedikazzjoni u l-esperjenza tal-għalliema u r-rappreżentanti tagħhom. Kif jista’ jitwaqqaf think tank dwar l-edukazzjoni mingħajr rappreżentanti tal-għalliema u tal-fakultà tal-edukazzjoni?” Dan qalu Clyde Puli b’reazzjoni għat-thabbir ta’ twaqqif ta’ think tank dwar il-futur tal-edukazzjoni mill-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ think tank imwaqqaf mill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jaħseb u jindirizza n-nuqqas ta’ pjan fit-tul fl-edukazzjoni, jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-grupp maħtur mill-Ministru ma kienx rappreżentattiv ukoll tal-edukaturi nfushom li huma l-esperti li qed jgħixu l-esperjenza ta’ kuljum.

Bl-istess mod il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta hija sors qawwi ta’ riċerka u ta’ esperti li ħarrġu eluf ta’ għalliema Maltin u Għawdxin. L-esklużjoni ta’ dan it-teżor ta’ esperjenza u informazzjoni mhi xejn ħlief insult lejn it-talent, il-kapaċità u d-dedikazzjoni ta’ dawn l-esperti.

Illum iI-Ministru tal-Edukazzjoni reġa’ tilef opportunità li jirrikonoxxi il-professjonalità, l-impenn u l-expertise tal-edukaturi u il-kapijiet tal-iskejjel wara li l-ġimgħa li għaddiet kien diġà insulentahom permezz ta’ Facebook tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li l-union tal-għalliema qiegħda għat-tieni darba f’ġimgħa tgħid lill-għalliema jinjoraw lill-ministru.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li qed jagħmlu l-għalliema u l-edukaturi anke f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Huma qamu għall-okkażjoni u qed jagħmlu minn kollox għal uliedna anke meta l-Ministeru ma kienx ippreparat biex jaffaċċja din il-krizi.