Futbol Sport

25 SENA ILU: Blackburn Rovers isiru champions tal-Ingilterra

14 TA’ MEJJU 1995

Bħal-lum 25 sena ilu, Blackburn Rovers saru champions tal-Ingilterra għat-tielet darba minkejja li kienu megħluba f’Anfield minn Liverpool 2-1. L-eqreb sfidanti tagħhom Manchester United, ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn West Ham United f’Upton Park u b’hekk temmew il-kampjonat bi 88 punt, punt biss taħt Blackburn. Dan is-suċċess għalihom kien l-ewwel wieħed wara 81 sena, taħt it-tmexxija tal-manager Kenny Dalglish.

F’Anfield, Blackburn kienu marru fil-vantaġġ wara 20 minuta permezz ta’ Alan Shearer. Liverpool ġabu d-draw fl-64 minuta minn John Barnes u fil-ħin miżjud kien Jamie Redknapp li ħasad lil Blackburn u ħallihom jistennew ir-riżultat finali tal-konfront f’Upton Park.

Manchester United saħansitra kellhom jirkupraw minn gowl minn taħt wara li Michael Hughes kien poġġa lil West Ham fil-vantaġġ wara 31 minuta. Brian McClair ġab id-draw fit-52 minuta iżda minkejja li kien għad fadal kważi taqsima sħiħa, it-tim ta’ Sir Alex Ferguson ma sabx il-gowl tar-rebħa.

B’hekk Blackburn ikkwalifikaw biex fl-istaġun ta’ wara jilagħbu fil-UEFA Champions League filwaqt li Manchester United, Nottingham Forest, Liverpool u Leeds United ikkwalifikaw biex jilagħbu fit-Tazz UEFA.