Iċ-Ċina qed iżżid il-miżuri għat-testijiet u screening biex tevita inċidenza oħra tal-coronavirus li qatel ‘il fuq minn 4,600 fl-artijiet tagħha.
Filwaqt li l-każi ġodda tal-Covid-19 li qed ikunu rappurtati kuljum naqsu sew mill-ammonti li kienu ‘sinonimi’ mal-eqqel tal-epidemija (fiċ-Ċina) matul ix-xahar ta’ Frar, iż-żieda fil-każi ġodda fil-provinċji ta’ Jilin u Liaoning, lejn il-grigal tal-pajjiż, qegħdin iħassbu sew lill-awtoritajiet komunisti f’Beijing.
Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, neħħa l-istat ta’ emerġenza għal diversi partijiet tal-Ġappun, iżda l-miżuri tas-sigurtà se jibqgħu jkunu implimentati f’Tokjo sakemm il-Covid-19 ikun ikkontrollat.
Filwaqt li l-istat ta’ emerġenza qed jitneħħa minn 47 reġjun lokali, is-sitwazzjoni ma nbidlitx fil-kapitali inkella fiz-zona urbana ewlenija ta’ Osaka. Il-Ġappun, illum, qed jipprova jwaqqaf il-firxa tal-virus filwaqt li jtaffi l-impatt ekonomiku mill-pandemija.
Spanja rappurtat 217-il mejtin ġodda mill-coronavirus fi spazju ta’ 24 siegħa. Din kienet l-ogħla ċifra ta’ vittmi għal ġurnata f’ġimgħa sħiħa f’dan il-pajjiż — bl-awtoritajiet qed iwissu dwar il-possibbiltà ta’ tieni mewġa ta’ infezzjonijiet. Intant, stħarriġ madwar il-pajjiż għan-nies li żviluppaw l-antibodies indika li mal-5 fil-mija tal-poplu Spanjol spiċċa infettat bil-virus.
Il-Polonja dikjarat li se tagħlaq l-iskejjel sal-aħħar tas-sena skolastika – jiġiefieri s-26 ta’ Ġunju, Dan qed isir bħala parti mill-kampanja għat-trażżin tal-Covid-19, għalkemm min-nhar it-Tnejn għandhom jiftħu mill-ġdid ir-ristoranti u l-istabbilimenti tax-xagħar f’dan il-pajjiż.
Il-Prim Ministru tar-Repubblika Irlandiża, Leo Varadkar, informa lill-Parlament ta’ Dublin li jridu jgħaddu x-xhur – u mhux ġimgħat – sakemm jitneħħew ir-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19 u jirritorna għan-normal l-ivvjaġġar madwar l-Unjoni Ewropea. Dan meta l-Irlanda qed tikkunsidra li żżid il-kriterji għas-saħħa pubblika għall-viżitaturi li ġejjin minn barra.
Il-Brażil irrapporta rekord ġdid ta’ infezzjonijiet – 11,385 — mill-coronavirus għal ġurnata waħda.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump qal li ‘ma jaqbilx assolutament’ mal-konsulent mediku Amerikan, Anthony Fauci, rigward il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. Fauci wissa li l-għaġġla żejda biex jinfetħu l-iskejjel u l-ekonomija kapaċi titfa’ lura l-impenji biex il-pajjiż jistejqer mill-kriżi attwali.
L-Awstralja reġistrat qgħad rekord ta’ 6.2 fil-mija b’konsegwenza tal-coronavirus. Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li ċ-ċifra hi ‘xokkanti’ iżda mhux sorpriż li s-sitwazzjoni waslet sa hawn.
//= $special ?>