Internazzjonali

COVID-19: Għandu jkun possibbli vaċċin effettiv fi żmien sena

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tapprova l-mediċini qed tgħid li vaċċin li jirreżisti l-coronavirus ġdid ( Covid-19) kapaċi ikun approvat fi żmien sena – u meta dan jinvolvi ‘l-aktar xenarju ottimist’ fiċ-ċirkustanzi.

Filwaqt li d-dinja qed tagħmel l-almu biex issib l-aħjar mezzi li jirreżistu l-coronavirus, l-Unjoni Ewropea – li qed iġġarrab impatt sinifikanti mill-pandemija – tinkwieta li, ‘il quddiem, kapaċi ma jkollhiex biżżejjed provvisti tal-vaċċin, speċjalment jekk dan ikun żviluppat fl-Istati Uniti jew fiċ-Ċina.

Il-European Medicines Agency (EMA), li għaddejja bil-kuntatti kontinwi ma’ 33 entità li jiżviluppaw il-mediċini, qed tagħmel kulma tista’ biex tħaffef il-proċess għall-approvazzjoni ta’ vaċċin li jirreżisti l-virus. Dan qalu Marco Cavaleri, il-Kap tat-taqsima għall-vaċċin mal-EMA, li, fl-istess ħin, hu xettiku dwar kemm jista’ jinstab vaċċin sa Settembru.

Cavaleri spjega li l-iżvilupp ta’ vaċċin irid iseħħ mill-bidu u għaldaqstant hu aktar realistiku li wieħed jistenna ‘sal-bidu tal-2021’ għal indikazzjonijiet pożittivi. F’dan il-każ mhux possibbli li tinqabeż it-tielet fażi tal-provi għal vaċċin  li taċċerta li ma jkollux effetti perikolużi għall-pazjent.

L-EMA anki qed tħares lejn 115-il terapewtika (trattament) differenti għall-coronavirus, b’Cavaleri jgħid li wħud mill-elementi terapewtiċi jistgħu jkunu approvati għall-Ewropa ‘anki sa dan is-sajf’ — għalkemm ma speċifikax it-tipi.

L-Unjoni Ewropea, intant, qed tinkwieta dwar ċirkustanzi fejn vaċċin effettiv kontra l-Covid-19 ikun żviluppat barra l-Unjoni.

Peter Liese, membru tal-Partit CDU tal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qal li l-UE, f’sitwazzjoni bħal din,  għandha ‘iddur mal-ostaklu tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali tal-kumpaniji farmaċewtiċi’. Dan bil-għan li l-UE taċċerta li l-vaċċin ikun jista’ jinkiseb mill-pajjiżi kollha.

Liese spjega li għalkemm l-UE qed tittama fid-djalogu u l-kooperazzjoni, teħtieġ ukoll ‘il-Pjan B għal sitwazzjonijiet fejn ‘ħaddieħor jiċħad id-djalogu u l-kooperazzjoni’.

L-Istati Uniti u ċ-Ċina t-tnejn huma kawti rigward l-appoġġ għal kampanja għall-finanzjament globali li qed tippromwovi l-UE u li ġġenerat tmien biljun ewro għar-riċerka, il-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ vaċċin potenzjali flimkien ma’ trattamenti oħra għall-Covid-19.