Edukazzjoni Lokali

Fis-settur marittimu hemm baħar ta’ opportunitajiet għal pajjiżna – PN

Il-PN kommess illi jiżviluppa u jinvesti bis-sħiħ f’dan is-settur

“Mill-Oppożizzjoni lesti li nippromwovu b’diskussjonijiet u qafas legislattiv fejn nimbuttaw ‘il quddiem inizjattivi innovattivi li joħolqu industriji ġodda bbażati fuq l-għarfien u li jiftħu bibien u orizzonti ġodda liż-żgħażagħ tagħna”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia meta żar il-binja edukattiva ta’ Maritime MT f’Birżebbuġa.

Waqt l-istess żjara mal-PN, Maritime MT ħabbret li ngħatat ir-rikkonixximent tal-SQA

Waqt iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Maritime MT ħabbret li rnexxielha tingħata r-rikkonoxximent tal-iScottish Qualification Authority (SQA), standard ta’ kwalifikazzjoni li qatt ma ngħata barra mir-Renju Unit. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Maritime MT spjega investiment li diġà għamlet ta’ €4 miljuni.

Adrian Delia qal li l-koperattiva wara din l-iskola hija eżempju ċar kif il-Maltin jistgħu jkunu propożittivi sabiex joħolqu opportunitajiet ġodda, f’dan il-każ fis-settur marittimu kemm għalihom kif ukoll għall-istudenti filwaqt li jagħmlu isem tajjeb għal pajjiżna u madwar id-dinja.

Matul din iż-żjara, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ra l-investiment li twettqet fl-iskola privata li tispeċjalizza fis-settur marittimu. Fejn fost l-oħrajn setgħu jaraw il-faċilitajiet kollha li hemm f’din l-iskola inkluż simulator professjonali li jgħin fl-ispeċjalizzazzjoni u t-taħriġ edukattiv fil-qasam marittimu.

Adrian Delia qal li investiment bħal dan jeħtieġ li jkun rikonoxxut u jiġi sostnut biex l-abbiltà tal-Maltin tkun imsaħħa. Investiment fir-riżors uman, fl-abbiltajiet u t-talent Malti fejn tibqa’ tingħata l-edukazzjoni u l-għarfien fis-settur marittimu biex jinħolqu opportunitajiet ta’ tajbin għaż-żgħażagħ f’karriera li toffri sodisfazzjon u li tiftħilhom orizzonti ġodda. Huwa qal li l-Oppożizzjoni lesta toffri kull għajnuna biex il-qafas ta’ dan is-settur jissaħħaħ.

F’din iż-żjara l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, is-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono.