Wara l-kundanna mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għall-aġir tal-Ministru Silvio Schembri fil-konfront ta’ ġurnalist ta’ Net News, minħabba li Schembri ħoloq video fuq l-internet biex bih jipprova jirredikola x-xogħol ġurnalistiku ta’ dan l-istazzjon, il-Ministru issa qed jgħid li l-aġir tiegħu kien imftiehem ħażin.
Din il-ġimgħa l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fi stqarrija ċanfar lill-Ministru tal-Ekonomija u qal li aġixxa “b’intimidazzjoni u bullying”.
L-IĠM kien qed jirreferi għal filmat li tpoġġa’ fuq il-Facebook ta’ Silvio Schembri, fejn il-Ministru qata’ silta minn domanda li għamel il-ġurnalist tagħna u kiteb ismu apposta taħt il-filmat – azzjoni li ġibdet lista sħiħa ta’ kummenti ta’ mibgħeda fuq l-internet.
F’din il-konferenza partikolari, il-ġurnalist ta’ Net News kien sempliċiment poġġa domanda dwar il-pariri li qed jieħdu Silvio Schembri u Robert Abela mingħand l-eks Prim Ministru Joseph Muscat; mistoqsija li tant dejqet lil Schembri li għamel minn kollox biex jipprova iwaqqaha għaż-żufjett.
Issa, wara ċ-ċanfira li ħa, it-tweġiba tal-Ministru għal mistoqsija simili nbiddlet xi ftit hekk kif qalilna li “dan huwa Gvern li jitkellem ma’ kulħadd”
Intant, wara xhur ta’ insistenza, il-Gvern laqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex l-Oppożizzjoni tkun tista’ tagħti l-proposti ekonomiċi tagħha ħalli noħorġu mill-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.