Coronavirus Internazzjonali Lokali

“Il-coronavirus jista’ qatt ma jitlaq minn fostna” – WHO

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, “il-coronavirus jista’ jkun li qatt ma jitlaq minn fostna”. 

Id-direttur tal-emerġenzi tal-WHO, it-Tabib Mike Ryan wissa dan meta kien mistoqsi dwar it-tbassir ta’ meta dan il-virus se jisparixxi. Huwa qal li anke fl-eventwalità li jinstab vaċċin, il-kontroll tal-virus se jkun jeħtieġ sforz kbir biex ikun ikkontrollat.

Madwar id-dinja s’issa tilfu ħajjithom kważi 300,000 persuna, filwaqt li l-każi issa jlaħħqu l-4.3 miljun persuna.

In-Nazzjonlijiet Uniti sadanittant wissiet li l-pandemija kienet qed tikkawża stress kbir u qed ikollha effett fuq is-saħħa mentali b’mod partikolari f’pajjiżi fejn hemm nuqqas ta’ investiment fil-kura tas -saħħa mentali. In-NU ħeġġet lill-gvernijiet biex iqisu s-saħħa mentali bħala parti mir-rispons ġenerali tagħhom għal dan il-virus.

Il-WHO qalet li dan il-virus jista’ jsir biss virus endemiku ieħor fil-komunitajiet tagħna. Każ partikolari huwa l-HIV, fejn dan il-virus qatt ma sparizza iżda drajna ngħixu bih. It-Tabib Mike Ryan saħaq li ma jemminx li xi ħadd jista’ jbassar meta dan il-virus se jieqaf.

Bħalissa hemm aktar minn 100 vaċċin potenzjali fl-iżvilupp, iżda t-Tabib Ryan innota li hemm mard ieħor, bħall-ħosba, li għadhom ma ġewx eliminati minkejja li hemm vaċċini għalihom.