Lokali

Il-Ministri u s-Segretarju Parlamentari għandhom iroddu lura l-flus li serqu

Il-Ministri u s-Segretarju Parlamentari li wżaw mijiet ta’ eluf ta’ Ewro f’reklami fuq il-media soċjali għandhom iroddu ll-flus lura b’mod immedjat. L-aġir tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li nqabbdu jabbużaw minn flus il-poplu għall-vantaġġ personali tagħhom turi li ma’ fadal l-ebda distinzjoni bejn il-Gvern Laburista u l-Partit Laburisa. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela qed jagħmel minn kollox biex bl-użu ta’ fondi pubbliċi jiddomina l-media soċjali biex iwassal messaġġi partiġġjani. Dan l-aġri irresponsabbli qed inawwar l-ġurnaliżmu ħieles u joħoloq intimidazzjoni lejn il-ġurnalisti. Hekk qalu l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Karol Aquilina qal li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ippubblika rapport dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi biex saru reklami tal-paġni ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari fuq il-media soċjali. Fir-rapport tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards wasal għal dawn il-5 konklużjonijiet:

  1. Numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari m’għamlux u mhux qed jagħmlu distinzjoni bejn il-kariga uffiċjali tagħhom u r-rwol personali tagħhom fl-użu tal-mezzi soċjali.
  2. Instab li hija prattika komuni li Ministri u Segretarji Parlamentari jużaw riżorsi uffiċjali biex joħolqu materjal li mbagħad jippubblikaw fuq il-mezzi soċjali tagħhom personali.
  3. Ministri u Segretarji Parlamentari qed jużaw riżorsi pubbliċi biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom.
  4. L-aġir tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari jammonta għal użu ħażin ta’ riżorsi pubbliċi.
  5. L-aġir tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-rwoli tagħhom fl-Eżekuttiv u bħala politiċi

Karol Aquilina qal li din ma kinitx l-ewwel darba li l-Kummissarju għall-Istandards tkellem dwar dan l-abbuż u f’Diċembru li għadda kien kkonkluda li Konrad Mizzi kiser il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri meta uża riżorsi pubbliċi għall-paġna tiegħu fuq Facebook. Huwa qal li f’pajjiżna għandna liġijiet ċari u l-użu tal-fondi jew riżorsi pubbliċi għall-gwadann personali, bħalma għamlu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, huwa reat kriminali li dwaru hemm piena ta’ priġunerija minn 2 sa 6 snin u l-interdizzjoni ġenerali perpetwa. L-aġir tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jikser ukoll l-Att dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi.

Karol Aquilina qal li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista qiegħed jisħaq li l-governanza tajba trid tkun fil-livelli kollha tat-tmexxija ta’ pajjiżna u trid tkun osservata f’kull waqt u ċirkostanza. Huwa qal li r-rapport jikkonferma li ma fadal l-ebda distinzjoni bejn il-Partit Laburista u l-Gvern Laburista tant li fondi pubbliċi qegħdin jintużaw f’reklamar għall-politiċi Laburisti fuq il-mezzi soċjali. Il-Gvern ammetta u kkonferma dak li sab il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom iroddu lura l-flus li nefqa fuq il-mezzi soċjali. Wara kważi ġimgħa li ġie ppubblikat ir-rapport, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għadhom ma ħallsux lura l-fondi pubbliċi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kiteb lill-Awditur Ġenerali biex l-investigazzjoni li qed issir minnu tingħata prijorità bil-għan li l-poplu jitħallas lura l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’fondi pubbliċi li b’mod abbużiv intefqu minn Ministri u Segretarji Parlamentari għall-interessi personali u partiġġjani tagħhom. Il-PN jistenna li l-Pulizija tinvestiga dan il-każ bla ma tħares lejn wiċċ ħadd. Dan il-każ huwa eżempju ċar ta’ governanza ħażina li saret marka li ma titħassarx fuq il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.

Therese Comodini Cachia qalet li r-raba’ pilastru tad-demokrazija Maltija qiegħed jaffaċċja ostakli tremendi li warajhom hemm il-Gvern. Mhux biss il-Gvern kompla jaħtaf ix-xandir pubbliku u jkun hemm mumenti meta dan ix-xandir isir xandir tal-Gvern, iżda il-Gvern sab ukoll mezzi ta’ kif jaħtaf il-messaġġ fuq il-mezzi tal-kommunikazzjoni l-oħra wkoll u qiegħed ikompli jkabbar mibegħda lejn il-ġurnalisti. Dan qiegħed dejjem iwassal għal sitwazzjoni aktar imwera għall-ġurnaliżmu f’Malta. Hija qalet li rridu nsibu mezzi kif nassiguraw trasparenza fl-uzu tal-fondi pubbliċi għal reklamar tal-Gvern, nistabbilixxu mezzi ta’ appoġġ anke finanzjarju għal midja u nassiguraw protezzjoni xierqa lill-ġurnalisti.

Therese Comodini Cachia qalet li l-Gvern qed jaħtaf id-dominanza tal-messaġġ, li huwa ppreġudikat favur il-Gvern b’tgħawwiġ tal-fatti u tal-informazzjoni li qed tasal għand in-nies. Dan meta rapporti internazzjonali fosthom tal-Press Freedom Index u Reporters Without Borders juru kif taħt il-Gvern Laburista, pajjiżna niżel ħafna l-isfel fil-libertà tal-ġurnaliżmu, il-ġurnalisti qegħdin jiġu intimidati u hemm influwenza żejda tal-Gvern fuq ix-xandir pubbliku. Hija qalet li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ukoll indika fi stqarrijiet li l-ġurnalisti qed ibatu minn nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni u jaffaċċjaw tattiċi ta’ intimidazzjoni li qed twassal għat-tnawwir tar-raba’ pilastru tad-demokrazija.

Therese Comodini Cachia qalet li l-PN kien ressaq proposti għall-għajnuna lill-media houses u ġurnalisti waqt din il-kriżi bl-imxija tal-COVID-19 u filwaqt li l-Gvern qed jagħti assistenza bl-ebda mod ma huma jindirizzaw il-ħtiġijiet reali u lanqas ma huma assistenza trasparenti. Hija qalet li għalhekk il-PN qed jipproponi li tingħata assistenza finanzjarja li verament tindirizza l-ħtiġijiet tal-media houses u l-ġurnalisti, li tkun trasparenti u li ma twassalx għall-htif tal-messaġġ, jiġi varat djalgu għal miżuri biex nipproteġu lill-ġurnalisti u nassistu lill-media houses u miżuri biex jiġi indirizzat ir-reklamar tal-Gvern.