Coronavirus Sport Sport Ieħor

Il-posponiment tal-Olimpjadi se jiswa aktar minn €700 miljun

(Ritratt: EPA)

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qed jikkalkula li l-posponiment tal-Olimpjadi se jiswa aktar minn €700 miljun. F’Marzu li għadda l-Gvern Ġappuniż u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ħadu d-deċiżjoni li l-Olimpjadi li kellhom isiru fis-sajf li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-President tal-IOC, Thomas Bach qal li parti mill-ispiża kkalkulat ħa tmur għall-organizzazzjoni tal-Olimpjadi bil-bqija tal-flus se jmorru biex jgħinu lil federazzjonijiet internazzjonali u l-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali. Hu żied li issa l-IOC huwa ffukat bil-ħidma tiegħu biex l-Olimpjadi tas-sena d-dieħla f’Tokjo jkunu jistgħu jsiru f’ambjent sigur. B’hekk l-Olimpjadi mistennija jsiru bejn it-23 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu tal-2021.