In-Network tas-Soċjetà Ċivili – CSN jixtieq jesprimi l-approvazzjoni dwar ir-riformi ġodda li tħabbru mill-Gvern u illi fl-aħħar jidhru li huma l-ewwel pass ‘il quddiem lejn standard Ewropej għad-demokrazija tagħna.
Ir-riformi jimxu mal-istess direzzjoni illi CSN ilu jappella għalihom mill-ewwel protesti tiegħu fl-2017. Fl-aħħar, wara parir internazzjonali, jidher illi l-Gvern beda jersaq ‘lil hinn minn proċeduri kostituzzjonali illi ma kinux ta’ standard demokratiku biżżejjed, u li kemm-il darba sfaw abbużati minn korruzzjoni u Governanza ħażina.
Fost dawn, hemm il-ħolqien tal-irwol tal-Avukat tal-Istat apparti dak tal-Avukat Ġenerali, xi ħaġa li diġà seħħ. La tleħħnet din l-intenzjoni, CSN issa qiegħda tistenna bil-ħerqa l-konsultazzjoni pubblika ssir f’forum Parlamentari, sabiex hekk ikunu rappreżentati kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni, iżda wkoll membri tas-soċjetà ċivili.
La kellhom jgħaddu s-snin biex wasalna f’dan il-punt, il-proċess issa jrid jaqbad ritmu sabiex l-implementazzjoni ta’ dawn il-proċeduri jsir minnufih.
Madankollu dan huwa biss l-ewwel pass.
Xorta waħda is-CSN tixtieq li tara aktar skrutinju parlamentari, u mhux pożizzjonijiet maħtura biss mill-eżekuttiv. Li poteri jgħaddu mill-Prim Ministru għall-Kabinett f’sistema ta’ governanza Ingliża mhux biżżejjed – il-Parlament Malti, li l-aktar jirrappreżenta l-poplu, għandu jkollu sehem aktar attiv.
B’hekk l-appuntamenti b’approvazzjoni parlamentari taż-żewġ terzi għandhom idealment jitwessaw biex ikopri aktar irwoli. Ideali wkoll li jkun hemm President li jkollu aktar poteri biex jaqbeż għall-Kostituzzjoni u jkun kapaċi, flimkien mal-Qrati, biex jieħdu azzjoni meta jkun hemm ksur tagħha, inkluż kontra leġislazzjoni mhux kompatibbli.
“Fl-aħħar, għal skopijiet ta’ ċertezza legali, nixtiequ naraw l-introduzzjoni ta’ forma ta’ stare decisis, jew preċedent li jorbot il-qrati. La d-dinja kollha tużaha, Malta m’għandhiex tkun l-eċċezzjoni.
Pajjiżi bħal Franza, b’kultura legali ċivili, wkoll addottawha. CSN għalhekk jinsab ħerqan biex jipparteċipa f’dan id-dibattitu storiku u jispera illi s-soċjetà ċivili verament ikollha vuċi fir-riforma tal-Kostituzzjoni Maltija” qalet is-CSN.
//= $special ?>