Edukazzjoni Lokali

Konferma li t-Think Tank biex jaħseb dwar l-Edukazzjoni ġie mwaqqaf mingħajr ħsieb

“Illum kellna konferma ohra li t-Think Tank biex jaħseb dwar l-Edukazzjoni ġie mwaqqaf mingħajr ħsieb. L-inklużjoni ta’ rappreżentant tal-għalliema u tal-fakultà tal-edukazzjoni fit-think tank l-għada li tħabbar turi b’mod ċar in-nuqqas ta’ ippjanar fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.” Dan qalu Clyde Puli, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Xogħol u Djalogu Soċjali b’reazzjoni għall-inklużjoni ta’ rappreżentant tal-MUT u tal-Fakultà tal-Edukazzjoni wara li lbieraħ deċiżjoni biex jitħallew barra mit-think tank li waqqaf il-Ministru tal-Edukazzjoni qajjmet reazzjoni negattiva fost l-għalliema u l-ġenituri.

Fi stqarrija maħruġa mill- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-affarijiet ma sarux sew u wrew nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-professjoni tal-għalliema. Il-Partit Nazzjonalista jqis ukoll li t-think tank jibqa’ żbilancjat bin-nuqqas ta’ membri mill-professjoni tal-għalliema. L-esklużjoni ta’ dan it-teżor ta’ esperjenza u informazzjoni mhi xejn ħlief insult lejn it-talent, il-kapaċità u d-dedikazzjoni ta’ dawn l-esperti.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li qed jagħmlu l-għalliema u l-edukaturi. Huma qamu għall-okkażjoni u qed jagħmlu minn kollox għal uliedna anke meta l-Ministeru ma kienx ippreparat biex jaffaċċja din il-krizi.