Lokali

L-ulied kollha għandhom dritt li jgawdu lill-ġenituri tagħhom – PN

Il-PN kommess li dan iseħħ fl-iqsar żmien

Il-pjaga tal-ulied u tal-ġenitur meta dawn jiġu mċaħħda minn xulxin u l-importanza li t-tfal ma jiġux imċaħħda mill-ġenituri tagħhom u viċi versa ġiet diskussa waqt laqgħa virtwali li saret bejn l-NGO Happy Parenting Malta For Happier Children u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Matul il-laqgħa bil-video conferencing spikkat l-ħtieġa li din it-tema tkun diskussa fl-oqsma tat-tagħlim edukattiv. Happy Parenting Malta for Happier Childen qalet li s-sena li għaddiet, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa rrikonoxxiet il-kundizzjoni tal-Parental Alienation Syndrome; kundizzjoni fejn tfal jiżviluppaw anki biżgħat kbar jew diżrispett lejn ġenitur rispettiv.

L-NGO qalet li għandu jkun hemm revizzjoni fil-liġi, u fejn hu meħtieġ ikun hemm intervent biex l-inġustizzji ma jibqgħux isiru. Intqal li t-tfal li qed ikunu aljenati u mċaħħdin minn wieħed mill-ġenituri tagħhom qed jispiċċaw vittmi ta’ abbuż. 

Adrian Delia qal li l-PN jinsab impenjat li d-drittijiet tal-ulied li jgawdu l-ġenituri tul ħajjithom ikun garantit u kif l-Oppożizzjoni permezz tal-proposti u tal-ħidma tagħha diġà rnexxilha tbiddel u timplimenta numru ta’ liġijiet. 

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Glieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar.