Internazzjonali

L-Ungerija tista’ tirtira l-poteri ta’ emerġenza fl-aħħar ta’ Ġunju

Il-Gvern tal-Ungerija jista’, sal-aħħar ta’ Ġunju, jirtira l-poteri għal emerġenza li kienu implimentati bħala parti mill-ġlieda kontra l-coronavirus – għalkemm dan jiddependi minn kif tevolvi l-pandemija.

F’Marzu, il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, kien aċċerta mid-dritt li jmexxi pajjiżu ‘bid-digriet’, fost il-kritika tal-gruppi favur id-drittijiet umani, u tad-diversi Stati membri tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea.

Intant, Orban qal li l-poteri speċjali jistgħu jkunu rtirati mill-Parlament ta’ Budapest – fejn il-Partit Fidesz tiegħu jgawdi maġġoranza ta’ żewġ-terzi – fi kwalunkwe żmien.

Taħt din il-leġislazzjoni, kulmin ( fl-Ungerija) jinstab li, għal skop partikulari, kien qed imexxi informazzjoni falza li kapaċi tinkwieta lin-nies, inkella li kien qed ifixkel il-ġlieda kontra l-coronavirus, jista’ jeħel sa ħames snin ħabs.

Issa, Gergely Gulyas, iċ-chief-of-staff ta’ Orban, qed jgħid li l-Gvern jista’ iwarrab dan id-‘dritt għal waqt l-emerġenzi’ lejn l-aħħar tax-xahar id-dieħel u dment li ma tinbidilx is-sitwazzjoni bil-pandemija.

Il-Gvern Ungeriż anki qed jikkunsidra li jnaqqas ir-restrizzjonijiet għar-residenti ta’ Budapest mill-ġimgħa d-dieħla, wara li naqsu l-infezzjonijiet. Il-miżuri tal-lockdown, fil-parti kbira, tneħħew fiz-zoni tal-Ungerija qalb il-kampanja.

Min-naħa tagħha, Vera Jourova, il-Kummissarju responsabbli mill-Valuri tal-Unjoni Ewropea u t-Trasparenza, qalet, fil-Parlament Ewropew, li l-UE dieħla fil-fażi ġdida fejn se jonqsu gradwalment il-miżuri drastiċi li ttieħdu għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Jourova spjegat li l-fażi ġdida tfisser li l-istati ta’ emerġenza, flimkien mal-poteri eċċezzjonali tal-Gvernijiet għal dawn is-sitwazzjonijiet, għandhom jitneħħew, bil-mod, inkella jinbidlu ma’ miżuri oħrajn inqas intrusivi.