Lokali

Mhux se jagħtu l-flus lura…m’għandhomx xi jżidu maċ-ċanfira tal-Kummissarju Hyzler

Skiet totali mill-Gvern rigward l-abbuż mir-riżorsi pubbliċi għal gwadann personali wara li l- Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler saħaq li “diversi Ministri qed jużaw riżorsi pubbliċi sabiex jiġġeneraw materjal għall-paġni personali tagħhom fuq il-midja soċjali”.

Fir-rapport tieghu, il-Kummissarju Hyzler saħaq li dan huwa abbuż, għaliex qed jintużaw t-taxxi taċ-ċittadin Malti għal għanijiet ta’ propoganda “biex jgħollu l-profil personali u politiku tagħhom”.

Minn investigazzjoni li wettaq il-Kummissarju, hu ħa kampjun ta’ ħames Ministri Laburisti minn fuq Facebook – Ian Borg, Aaron Farrugia, Silvio Schembri u Edward Scicluna insatbu ħatja li għamlu użu ħażin tal-fondi pubbliċi. Meta kien mistoqsija dwar dan l-aġir, Ian Borg u Silvio Schembri injoraw u fallew għal kollox milli jkellmu lill-Kummissarju għall-Istandards.

Fl-ewwel każ, il-Ministru Ian Borg ippublika fuq il-paġna personali tiegħu fuq Facebook filmat komplut bil-logo uffiċjali tal-Gran Harbour Regeneration Corporation u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Fit-tieni każ nsibu lill-Ministru Aaron Farrugia, Ministru ġdid taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, fejn Farrugia ppublika grafika fuq il-paġna personali ta’ Facebook, ritratt li jikludi l-logo tal-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ppjanar.

Fit-tielet każ insibu lill-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri. Filmat ippublikat fuq il-paġna personali tiegħu, komplut bil-logo tal-Ministeru u għaldaqstant għal darb’oħra dan iwassal sabiex wieħed jitħasseb u jasal għal konklużjoni li l-filmat ġie prodott u xogħolu mħallas għalieh minn fondi pubbliċi.

Fir-raba’ każ, il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna ukoll spiċċa taħt il-lenti. George Hyzler iddeskriva dan il-każ bħala wieħed li l-pożizzjoni uffiċjali u dik personali tal-Ministru spiċċat konfuża għal kollox wara filmati ppublikati.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li ma kienx hemm użu ta’ flus iżda meta għadnilu li biex inħollqu l-filmati kien hemm bżonn muntaġġ, dawl, sound, etċ, il-Ministru qalilna li hu għandu dritt għal dan. Mistoqsi kemm swew dawn il-filmati, Edward Scicluni qalilna nistaqsu lil Ministeru tiegħu.

Il-Ministru Aaron Farrugia stqarr li m’għamel xejn hażin għaliex tella’ fuq il-paġna personali tiegħu ta’ Facebook grafika. Mistoqsi kemm swiet din il-grafika, Aaron Farrugia qal li din ġiet b’xejn u għalhekk m’għandux flus x’jagħti lura lill-Maltin u l-Għawdxin.

Filwaqt li l-Ministri li kienu kkundannati mill-Kummissarju tal-Istandards baqgħu jsostnu li m’għamlu xejn ħażin … fl-ebda ħin ma talbu apoloġija għall-aġir tagħhom jew iddikjaraw li se jroddu l-flus lura.

Minkejja li dawk imsemmija fil-kampjun tal-Kummisarju baqgħu jiddefendu l-aġir tagħhom, il-maġġoranza tal-membri l-oħra mill-Grupp Parlamentari Laburista stqarru li mgħandhomx xi jżidu maċ-ċanfira li ta lil sħabhom il-Kummissarju Hyzler. Dan filwaqt li apparti ftit li ma wieġbux il-mistoqsijiet tagħna għas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, sħabu ma għamlu xejn ħazin.

Ministru ieħor li kien fil-kampjun ta’ George Hyzler kien il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici li fir-rapport intqal li mexa b’mod tajjeb u għamel użu mill-media soċjali tiegħu b’mod etiku. Meta mistqosi jikkumenta dwar l-aġir ta’ sħabu, Owen Bonnici qalilna li ma jarax li għamlu ħażin għaliex ma kienx hemm linji gwidi li weħed seta’ jimxi magħhom, anke jekk hu mexa tajjeb mingħajr din il-gwida li issa l-Gvern qed jgħid li teżisti.

Staqsejna lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-irwol tiegħu f’Kastilja wara laqgħa li kellu f’Kastilja biex jagħti l-pariri lil Robert Abela pero meta sqarrejna miegħu li kulħadd qed iżomm l-irwol tiegħu sigriet, Muscat qalilna “ma ġara xejn.”

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħeġġeġ lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga dan l-iskandlu bil-għan li l-poplu Malti jitħallas lura il-flus li ntefqu bl-aktar mod abbużiv. Adrian Delia fakkar lill-Awditur Generali li fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards instab li diversi Ministri u Segretarji Parlamentari Laburisti użaw mijiet ta’ eluf ta’ ewro għall-interessi personali u partiġġjani.