L-MUT qed tkompli ssostni li mhijiex taqbel mal-mod kif twaqqaf it-“think tank” mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u xorta għandha problema bil-mod kif saru l-affarijiet u bil-persuni li ntgħażlu.
F’aġġornament li tagħat il-union tal-għalliema qalet li huwa minnu l-n-nies magħżula huma esperti fil-qasam tagħhom, iżda dawn m’humiex rappreżentattivi tal-qasam edukattiv.
Sabiex tindirizza din is-sitwazzjoni, l-MUT qalet li se tkun qed twaqqaf grupp ta’ ħidma simili b’membri b’esperjenza fil-klassi li huma nteressati li jikkontribwixxu għal diskussjoni dwar il-futur tal-qasam edukattiv.
Wara t-twaqqif tat-‘think tank’ mill-Gvern, dan wassal għal reazzjoni kemm tal-MUT, kif ukoll l-edukaturi, bil-Ministeru, wara, jikkuntattja lill-MUT sabiex joffri post f’dan it-‘think tank’.
Fir-reazzjoni tagħha l-MUT qalet li xorta waħda għandha problema u għaldaqstant se toħroġ sejħa għall-membri ta’ dan il-grupp fil-jiem li ġejjin. Tenniet li ċ-chairperson tal-grupp ser jirrapreżenta lill-MUT fit-‘think tank’ tal-gvern;
Qalet li għaldaqstant, l-MUT se tkun qed taċċetta li jkollha rappreżentant fit-‘think tank’ u permezz taċ-chairperson il-grupp ta’ ħidma ser ikun qiegħed jikkontribwixxi fit-‘think tank’ tal-Ministeru;
Sostniet li l-MUT lesta li tikkollabora ma’ professjonisti oħra għat-titjib tas-soċjetà tagħna. Biss l-MUT xorta tirriserva d-dritt li tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa jekk dak li jkun qed jiġi propost jaffettwa b’mod negattiv lill-membri tagħha.
Fl-aħħarnett, l-MUT tfakkar lill-Ministeru li bħalissa għaddejjin minn pandemija, bl-effetti drastiċi kollha li qed iseħħu, u tappella sabiex niffukaw fuq il-prijoritajiet l-aktar importanti u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi. L-edukaturi jixirqilhom l-aħjar sapport u li jkunu rispettati kull mument.
//= $special ?>