Internazzjonali Lokali Saħħa

Nhar it-Tlieta jitfakkar il-jum dinji tal-mard infjammatorju tal-imsaren

Nhar it-Tlieta, 19 ta’ Mejju jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Inflammatory Bowel Disease (IBD), fi kliem ieħor, mard infjammatorju tal-imsaren. L-IBD hija prinċipalment żewġ mardiet kronici, Crohn’s u l-Kolite Ulċerattiva, li jaffettwaw direttament is-sistema diġestiva u jikkawżaw li t-tessut intestinali jinfetta, minn feriti u fsada faċilment.

Fi ftit kliem, il-passaġġ mill-ħalq sal-anus, jista’ jkun infjammat, u dan jikkawża numru ta’ sintomi, bħal dijarea, nawżea, uġigħ abdominali, telf ta’ piż, għejja u xi kultant deni.

Fid-dinja kollha hemm ‘il fuq minn 5 miljun persuna li jbgħatu b’dan il-mard kroniku, b’numri ogħla fl-Ewropa u l-Amerka ta’ fuq. S’issa m’hemm l-ebda kura magħrufa għall-marda, għalkemm bosta riċerkaturi jaħdmu biex isibu kura s-sena kollha.

S’issa m’hemmx raġuni magħrufa ta’ kif tibda l-marda. Hemm żewġ opinijonijiet ta’ esperti fil-professjoni medika – il-ġenetika u d-dieta ta’ kuljum.

Hemm ftit għarfien mill-pubbliku dwar l-uġigħ u t-tbatija kronika li l-pazjenti tal-IBD jaffrontaw b’kuraġġ f’kull ġurnata ta’ ħajjithom.
Iż-żieda fl-għarfien dwar l-IBD hija mportanti kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-pubbliku.

Iktar ma l-pubbliku jkun konxju, aktar il-pazjenti jkunu jistgħu jsibu appoġġ mill-familja, ħbieb u anke kollegi fuq il-post tax-xogħol. Għal uħud, li jesperjenzaw infjamazzjoni severa ta’ kuljum, huwa diffiċli għalihom li jkunu attivi fid-dinja tax-xogħol, u sfortunament hemm ftit għajnuna finanzjarja, peress li l-marda mhix diżabilità magħrufa.

Bil-bidu tal-pandemija ta’ Covid19, bil-biċċa l-kbira tal-impjegati jaħdmu remotament mid-dar, dan għandu jnissel tama li jinfetħu il-bibien ghal-djalogu ta’ inkluzjoni li jippermetti lil dawn il-pazjenti jikkontribwixxu għall-ekonomija billi jaħdmu minn djarhom stess.

Sfortunatament, minħabba l-pandemija preżenti, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Crohn’s u l-Colitis (MACC), kellha tieqaf bl-attivitajiet pubbliċi ppjanati, speċjalment, peress li l-pazjenti huma fil-lista tal-vulnerabbli, u mħeġġa biex jibqgħu ġewwa u iżolati mingħajr periklu.

Madankollu, xtaqna nieħdu l-opportunità biex nirringrazzjaw lit-tobba u l-infermiera li qed jaħdmu bla heda biex jgħinu lill-komunità waqt din il-pandemija, u lit-timijet mediċi kollha li jaħdmu kull sena mal-pazjenti tal-IBD.

Għalkemm nafu li hemm aktar x’jista jsir, aħna grati għall-progress li sar s’issa fil-qasam mediku, li tippermetti li ħafna pazjenti jgħixu ħajja kważi “normali”.