Ambjent Lokali

Oġġezzjonijiet qawwija u oppożizzjoni wiesgħa għal żvilupp ODZ fl-Għadir

Residenti ta’ Hal-Safi, taż-Żurrieq u ta’ Ħal Kirkop ingħaqdu biex jopponu binja enormi fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp fiż-Żurrieq billi bdew il-kampanja Save L-Għadir ODZ.

Il-Kunsilli Lokali tat-tliet lokalitajiet ukoll qegħdin joġġezzjonaw għall-proġett, li se jwassal biex tintilef biċċa art verġni agrikola kbira biex tinbena dar privata għall-anzjani.

Il-Moviment Graffitti qed jappoġġja din il-kampanja u bagħat oġġezzjoni formali kontra dan l-iżvilupp lill-Awtorità tal-Ippjanar. Oġġezzjonijiet mill-pubbliku jistgħu isiru billi tintuża din il-formola online, li fiha oġġezzjoni miktuba mir-residenti, sad-29 ta’ Mejju.

Skont il-politika eżistenti, is-sit in kwistjoni jista’ jintuża biss għal attività agrikola. Hemm ukoll diversi żoni fil-viċinanzi fejn jistgħu jinbnew djar għall-anzjani. Il-proġett propost se jeqred parti sostanzjali mill-wirt rurali, ambjentali u kulturali tal-inħawi.

Se jeqred strixxa naturali ħadra li sservi bħala l-pulmun tal-villaġġi tal-madwar, u b’hekk jaffettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Hal-Safi, taż-Żurrieq u ta’ Ħal Kirkop billi se jibblokka l-arja nadifa li tant hi bżonnjuża.

Malta ma tistax tibqa’ titlef art agrikola u naturali prezzjuża minħabba proġetti spekulattivi bl-iskuża ta’ “djar għall-anzjani” li jippruvaw jisfruttaw il-lakuni li hemm fil-politika eżistenti biex jaqilgħu il-miljuni minn żvilupp ta’ art li tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ).

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi diġa kien qal li hemm qbil unanimu kontra dan l-iżvilupp propost. Huwa għamilha ċara li mhux kontra li tinbena dar tal-anzjani fl-inħawi tar-raħal però saħaq li ma għandhiex tinbena fis-sit propost peress li din iż-żona tinsab ‘il barra miż-żona ta’ żvilupp.

Il-Kunsill Lokali qal li jaqbel li m’għandu jsir ebda tip ta’ żvilupp f’din iż-żona li hija l-unika żona li qed tifred l-irħula ta’ Ħal Safi, Żurrieq u Ħal Kirkop minn ma’ xulxin.

Il-Kunsill Lokali Safi kien spjega li huwa tella’ wkoll din il-materja għall-attenzjoni tar-Reġjun Nofsinhar u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li skont l-istess Kunsil Lokali, min-naħa tagħhom diġà wiegħdu li se jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kunsilli Lokali milquta.