Lokali

Raġel jitlef ħajtu wara inċident bejn żewġ muturi u żewġ vetturi

Raġel ta’ 39 sena, residenti Birkirkara, tilef ħajtu filwaqt li raġel ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun, qiegħed isofri minn ġrieħi serji, wara inċident tat-traffiku f’San Ġiljan.

Ian Camilleri tilef ħajtu fl-età ta’ 39 sena

Ir-raġel li tilef ħajtu f’dan l-inċident hu Ian Camilleri li fi ftit ħin wara li ħarġet din l-aħbar kerha, kienu ħafna dawk li sellmu l-memorja tiegħu fuq il-media soċjali.

Kien għall-ħabta ta’ nofsillejl u għaxra (0010hrs), sbieħ il-Ħamis filgħodu meta il-Pulizija ġiet infurmata li kient seħħet ħabta bejn numru vetturi fi Triq Dun Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan, u li kien hemm xi persuni feruti.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn sabu ħabta bejn 4 vetturi; vettura tat-tip Suzuki misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Etjopja residenti il-Marsa, vettura tat-tip Honda Accord misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 24 sena residenti Ħaż Żebbuġ, mutur tat-tip BMW misjuq mir-raġel ta’ 39 sena u mutur tat-tip Triumph kien misjuq mir-raġel ta’ 40 sena.

Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li s-sewwieq tas-Suzuki, allegatament tilef il-kontrol tal-vettura u fl-istess waqt seħħ impatt fuq in-naħa ta’ wara tal-vettura tiegħu.

Wieħed miż-żewġ muturi, il-BMW li kien qed isuq fl-istess direzzjoni, ħabat mal-vettura filwaqt li l-mutur tat-tip Triumph, li ukoll kien qed jinstaq fl-istess direzzjoni, skidja. Issewwieq tal-vettura tat-tip Honda prova jevita l-impatt iżda ħabat ma’ barrier.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna imma sfortunatament, ir-raġel ta’ 39 sena ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza. Ir-raġel ta’ 40 sena ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

 Bil-każ ġie infurmat il-Magistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.