Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbar li Sebastian Vettel se jħalli lil Ferrari mis-sena d-dieħla, illum Ferrari ħabbru li s-sewwieq li se joħodlu postu se jkun Carlos Sainz. B’hekk Sainz se jkun qed jinaqgħad ma’ Charles Leclerc fit-tim ta’ Ferrari mill-2021.
Hu ffirma kuntratt ta’ sentejn u dan se jkun l-iżgħar tim ta’ sewwieqa li saqu għal Ferrari. Din se tkun l-ewwel darba li Ferrari ma għandhomx champion jew champion renjanti fit-tim sa mill-2007. L-Ispanjol ta’ 25 sena qal li jinsab kuntent li mill-2021 se jkun qed isuq għal Ferarri. Min naħa tiegħu l-Prinċipal tat-tim Mattia Binotto qal li Sainz għandu ħames staġuni ta’ esperjenza warajh fil-Formula 1 fejn wera l-kapaċitajiet tiegħu.
Tul l-karriera tiegħu Sainz rnexxielu jitla’ darba fuq il-podju u l-istaġun li għadda temm fis-sitt post fil-klassifika finali, l-aħjar riżultat li qatt kiseb. B’hekk Ferrari se jkunu qed jaspira li dan it-tim iffurmat minn żewġ sewwiqa żgħażagħ se jkun jista’ jwassalhom biex jirbħu l-kampjonat.
Ricciardo se jissieħeb lil McLaren
Mc Laren ħabbru li Daniel Ricciardo se jkun qed jieħu post Carlos Sainz mill-2021. Ricciardo iffirma kuntratt fit-tul ma’ McLaren fejn b’hekk mis-sena d-dieħla se jkun qed iħalli lil Renault wara li ssieħeb magħhom fl-2018 mingħand Red Bull.
It-tim Brittaniku kkonfermaw lil Lando Norris li se jkun qed isuq ma’ Daniel Ricciardo. Fi stqarrija ċ-Chairman ta’ McLaren, Zak Brown qal li l-akkwist ta’ Ricciardo huwa pass ieħor il’ quddiem filwaqt li rringrazzja lil Sain tax-xogħol eċċellenti li wettaq ma’ McLaren. Tul il-karriera tiegħu, l-Awstraljan ta’ 30 sena rnexxielu jirbaħ seba’ Grand Prix u rnexxielu jtemm 29 darba fuq il-podju.
//= $special ?>