Sport Sport Ieħor

Sidien u sewwieqa taż-żwiemel imħassba dwar ix-xhur li ġejjin

(Ritratt: Martin Agius)

Sidien u sewwieqa taż-żwiemel jinsabu preokkupati dwar il-mument li għaddejjin minnu bħalissa. Xahrejn ilu, il-Malta Racing Club kienet ħarġet ċirkulari fejn minħabba l-imxija tal-coronavirus kienet kostretta li tipposponi t-tiġrijiet taż-żwiemel biex tħares is-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd.

Dawk li tkellmu ma’ Net Sports qalu li huma jinsabu preokkupati minħabba n-nuqqas ta’ manteniment li qed isir f’dawn iż-żminijiet ta’ waqfa. Dan filwaqt li ma għandhomx idea meta se jkun qed jibda l-proġett fil-Kumpless tal-Korsa tal-Marsa, wara li f’Lulju li għadda ġie approvat b’mod unanimu mill-Parlament.

F’mistoqsija Parlamentari tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li “minn meta waqfu t-tiġrijiet minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-ħaddiema tal-Malta Racing Club baqgħu għaddejjin b’diversi xogħlijiet kemm fil-korsa ewlenija kif ukoll fil-korsa l-antika fosthom tindif tal-culverts tal-ilma, tiswijiet ta’ paddocks, qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar u tindif ġenerali ieħor. Barra dan kollu iż-żewġ korsiji baqgħu jinħadmu u jingħataw l-ilma skont il-ħtieġa.”

Persuni li jattendu spiss il-Korsa tal-Marsa qalu li l-ħidma li saret hi dwar affarijiet żgħar u ma jiswewx flus filwaqt li ma sarx manteniment fuq l-art fejn hemm ir-ramel u fuq il-makkinarju kif ukoll xogħol ta’ tisbiħ fiż-żona tal-entratura. Dan minbarra li tnaqqas il-ħin tat-taħriġ għaż-żwiemel fil-korsa ewlenija, deċiżjoni li qed tittieħed bħala mod kif jiġu ffrankati spejjeż relatati mal-ilma u d-diesel.

It-tħassib tas-sidien u sewwieqa hu li wara xhur ta’ nuqqas ta’ attività, jistgħu jiġu f’sitwazzjoni fejn jerġgħu jkollhom jieqfu minħabba l-bidu tal-proġett. Dan minkejja li s-sena l-oħra kien intqal lilhom li l-proġett mhux se jkun qed itellef it-tlielaq.

Il-konsorzju Malta Racetrack Limited mistenni jinvesti €28 miljun fiż-żona tal-Korsa tal-Marsa, bl-art ingħatat b’ċens ta’ 65 sena. Is-sidien u s-sewwieqa taż-żwiemel għadhom qed jistennew laqgħa li ġiet imwiegħda lilhom mill-Malta Racing Club u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport. Il-laqgħa kellha ssir magħhom biex ikunu jafu d-dettalji ta’ dan il-proġett u meta se jibda.

Intant, f’laqgħa li saret ftit jiem ilu mal-Għaqda Ġurnalisti Sports, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar tkellem fost l-oħrajn dwar dan l-isport u semma li għandu mistoqsijiet relatati ma’ dan is-suġġett li se jkun qed jagħmel fil-Parlament.