Sport Sport Ieħor

Titħassar ir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena

(Ritratt: Clive Pulis)

L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor ħabbret li b’dispjaċir kienet kostretta li tħassar ir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena li kienet se ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju. Din l-aħbar issegwi deċiżjoni li kienet sfurzata fuq l-assoċjazzjoni, dik tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu.

Fil-preżent għadu fis-seħħ l-Avviż Legali mid-Dipartiment tas-Saħħa li jipprojbixxi kull attività sportiva. L-Għaqda Regatta Nazzjonali bħal kull assoċjazzjoni oħra sportiva, għadha fid-dell dwar meta jistgħu jibdew jirritornaw għan-normal. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni wassal biex ittieħdet id-deċiżjoni anki minħabba li ż-żmien għat-taħriġ beda jonqos u għalhekk ma jkunx hemm l-ammont ta’ ħin u attenzjoni diretta li dawn iż-żgħażagħ għandhom bżonn.

“Nifhmu li mhux sitwazzjoni sabiħa għall-isport inġenerali kif ukoll għall-isport tagħna u kull deċiżjoni simili bħal ma ttieħdet fir-rigward tar-regatta ta’ Marzu tittieħed b’responsabbiltà sabiex tkun issalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà tal-atleti tagħna,” qal il-President tal-Għaqda Stephen Paris.

L-istess President ftit jiem ilu rrimarka f’dan is-sit li jinsab inkwetat li l-imxija tal-coronavirus tista’ titwal. Dakinhar hu tkellem anki dwar id-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-klabbs. Ir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena tas-sena li għaddiet ntrebħet mid-Distrett tal-Isla.